Sunday, December 22, 2024

Nipproteġu u Nsaħħu l-Bdiewa tagħna

Aqra wkoll

Fl-aħħar ġimghat il-bdiewa Maltin u Ewropej ingħaqdu sabiex isemmgħu leħinhom dwar dak li huma jħossu, u ħafna drabi bir-raġun, li huwa trattament inġust minn direttivi u liġijiet Ewropej li mhux qed ikunu sensittivi biżżejjed għaċ-ċirkostanzi ta’ dan is-settur.

Settur li huwa mhux biss kruċjali imma indispensabbli għall-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini kollha Maltin u Ewropej.

M’għandniex nagħmlu ballun politiku minn din il-kwistjoni

Tajjeb li qabel ma naslu f’xi konklużjoni żbaljata jew niġu influwenzati minn xi propaganda tal-oppożizzjoni li kienu pronti jdawwru din bħala xi protesta kontra l-Gvern Malti, nifhmu tajjeb x’ġiel lill-bdiewa u r-raħħala tagħna joħorġu fit-toroq. L-Unjoni Ewropeja kienet bil-ħsieb li tressaq liġi li biha kien ser jitnaqqas bin-nofs l-użu tal-pestiċidi bin-nofs sal-2030. Din kienet waħda mill-miżuri ewlenin fil-pjanijiet tal-Kummissjoni Ewropeja biex tilħaq il-mira mfassla fil- European Green Deal u l-Farm to Fork Strategy, maħsuba biex tagħmel l-Ewropa newtrali mill-karbonju sal-2050. It-tieni strateġija għandha l-għan li s-sistemi tal-ikel ikunu ġusti, tajbin għas-saħħa u favur l-ambjent.

Din pero’ kienet l-aħħar xrara li biha faqqet ir-rewwixta tal-bdiewa fil-kontinent. Rewwixta fost il-bdiewa li kienet ilha tinġemma għal ħafna żmien kawża ta’ żidiet fl-ispejjeż tal-fjuwil, l-introduzzjoni ta’ regolamenti ambjentali, pressjoni tal-prezzijiet tal-bejjiegħa bl-imnut u importazzjonijiet irħas ta’ ħxejjex u prodotti agrikoli oħra minn barra l-Ewropa. Għal dan kollu l-bdiewa Ewropej qalu daqshekk u ħarġu jipprotestaw bi ħġarhom.

U l-bdiewa Maltin?

Fil-każ ta’ Malta b’solidarjeta’ ma sħabhom fil-kontinent, il-bdiewa Maltin u Għawdxin ħarġu huma wkoll juru d-disapprovazzjoni tagħhom għall-ftuħ ta’ swieq ma’ pajjiżi barra l-Ewropa, bħal Marokk, iċ-Ċina, l-Brażil u oħrajn għax dawn ser jipperikolaw l-għajxien tagħhom u tal-familji tagħhom. Huma nsistew li f’dawn il-pajjiżi għadhom jużaw pestiċidi li l-Ewropa projbit jew illimitathom b’konsegwenza li ogħla b’mod qawwi ħafna l-prezz tagħhom u naqqret il-qliegħ tal-bdiewa. Ipprotestaw ukoll dwar il-Patt Ekoloġiku, l-Istrateġija Farm-to-Fork, l-Istrateġija tal-Bijodiversità, ir-Regolament dwar l-Użu Sostenibbli tal-Prodotti għall-Ħarsien tal-Pjanti, il-Liġi dwar ir-Restawr tan-Natura, id-dispożizzjonijiet il-ġodda fil-Politika Agrikola Komuni u proposti leġiżlattivi oħra li kollha kemm huma qed ikollhom impatt qawwi fuq ix-xogħol tagħhom. Huma japprezzaw il-ħsieb ambjentali wara dawn id-direttivi u strateġiji imma jħossu li irid ikun hemm iżjed sensittivita’ lejn l-impatt li dawn jista jkollhom fuq in-nies li hobżhom ġej minn dan is-settur.

Semmew ukoll id-disapprovazzjoni tagħhom lejn politika espressa mill-Kummissjoni Ewropeja biex tiżdied l-art mhux maħduma għax isostnu li fi gżira żgħira bħal tagħna jekk innaqqsu l-art maħduma inkunu qed inaqqsu l-produttivita’ tagħna. Tennew li r-Regoli tal-UE dwar Għajnuna mill-Istat tfixkel l-assistenza li l-Gvern Lokali jista’ jagħti lill-bdiewa meta jkun hemm il-ħtieġa b’detriment għas-settur agrikolu kollu.

Għajnuna

Huma ilmenti ġustifikati u li tifimhom. Min jista ma jagħdirx lil dawn il-bdiewa li qed jinkwetaw dwar il-futur tagħhom minħabba deċiżjonijiet ta’ min mhux qed jiżen l-effetti tal-inizjattivi li qed jimbotta. L-oppożizzjoni Nazzjonalista insistiet li l-Gvern mhux qed jalloka l-istess proporzjon ta’ għajnuna finanzjarja li gvernijiet barranin jagħtu lill-bdiewa tagħhom. Imma nsew li taħt ċertu skemi partikolari, bħal basic income support, bidwi Malti jista’ jirċievi sa massimu ta 844 ewro kontra il-200 ewro li jirċievi bidwi Taljan.

Mhux hekk biss imma f’Malta għandna għajnuna finanzjarja li tmur direttament għall-bdiewa żgħażagħ li issa tilħaq massimu ta’ 700 ewro. Fl-Italja din l-għajnuna ma taqbizx id-90 ewro.

F’Malta il-bdiewa li jkabbru t-tadam jistgħu jirċievu sa massimu ta’ 8,500 ewro meta fl-Italja dawn jirċievu biss massimu ta’ 190 ewro.

Dan apparti ir-riforma storika li għamel il-Gvern Malti fil-liġi tal-qbiela. Riforma deskritta mill-Għaqda Bdiewa Attivi bħala l-aktar waħda kuraġġjuża li qatt ħadu l-gvernijiet Maltin f’dan is-settur.

Soluzzjonijiet Maltin fl-Ewropa

Imma hemm x’jista jsir biex il-bdiewa tagħna jiġu megħjuna biex ikollhom xogħolhom garantit, bi qligh denju li jgħajjxu l-familji tagħhom tajjeb, aħjar mil-lum. U din ir-responsabbilta’ taqa’ fuq l-Membri Parlamentari Ewropej Maltin li jridu jneħħu l-parteġjaniżmu u jaħdmu flimkien biex iġiegħlu l-K E tibdel il-politika tagħha tal-one size fits all u jifhmu li d-daqs ta’ pajjiżna ma jistgħax jitqies l-istess bħal pajjiżi ħafna ikbar minna. Ma jistax ikun li l-bdiewa tagħna jiġu ttrattati l-istess bħal bdiewa ħafna ikbar minnhom. L-Unjoni Ewroeja trid tara li importazzjoni min pajjiżi barra l-Unjoni ma taffettwax ħażin il-bdiewa tagħha stess, inklużi dawk Maltin. Irridu ninsistu li titnaqqas iktar il-burokrazija u ninċentivaw l-innovazzjoni bħal skemi għal bdiewa żgħażagħ Maltin u Għawdxin biex ikunu innovattivi u jiddiversifikaw il-prodotti li jkabbru.

Biex dan l-isforz ikun effettiv irridu naħdmu flimkien, MEPs Laburisti u Nazzjonalisti, sabiex permezz tal-għaqda niġbdu ħabel wieħed għall-ġid ta’ Malta Pajjiżna.

Ekonomija

Sport