Monday, September 30, 2024

Nirien f’foresti fiċ-Ċili… minn tal-inqas 112 mejta fir-reġjun ta’ Valparaíso

Aqra wkoll

Minn tal-inqas 112-il persuna tilfu ħajjithom kawża ta’ nirien f’foresti fir-reġjun ta’ Valparaíso fiċ-Ċili. 

Gabriel Boric, il-President taċ-Ċili, iddikjara stat ta’ emerġenza u qal li se juża “r-riżorsi kollha disponibbli” biex jindirizza s-sitwazzjoni.

Il-Ministeru tas-Saħħa fil-pajjiż ħareġ twissija tas-saħħa f’Valparaíso filwaqt li ssospenda interventi kirurġiċi elettivi u awtorizza t-twaqqif ta’ postijiet temporanji bħala sptarijiet. 

L-istudenti tal-mediċina li bħalissa jinsabu fl-aħħar fażi tal-istudji  tagħhom se jkunu qed jgħinu wkoll sabiex itaffu l-pressjonijiet fuq is-servizzi tas-saħħa. 

Fl-aħħar sigħat, il-ħaddiema tas-salvataġġ kienu impenjati f’ħidma sabiex jilħqu dawk iż-żoni li l-aktar kienu ġew milquta ħażin f’dan l-inċident. Il-Ministru tal-Intern, Carolina Tohá qalet li n-numru ta’ mwiet jista’ jilħaq “ċifri ferm ogħla” fis-sigħat li ġejjin. Sadanittant, il-Gvern Ċilen ħeġġeġ lin-nies biex ma jivvjaġġawx lejn iż-żoni milquta min-nirien. 

Anzjan ta’ 61 sena residenti El Olivar iddeskriva l-inċident bħala “infern”. Meta kien qed jitkellem mal-aġenzija tal-aħbarijiet AFP, Rodrigo Pulgar qal li kien qed jipprova jgħin lill-ġara tiegħu meta ftit tal-ħin wara rrealizza li d-dar tiegħu stess kienet bdiet tinħakem min-nirien.

“Beda jaqa’ l-irmied fuqna,” qal Pulgar li spjega wkoll kif il-parti l-kbira tar-residenti f’El Olivar huma anzjani u li l-ġara tiegħu spiċċat biex tilfet ħajjitha għax ma setgħux joħorġuha fil-ħin. 

Il-Ministeru tal-Housing qal li huwa stmat li bejn 3,000 u 6,000 residenza ntlaqtu min-nirien. Nhar is-Sibt li għadda, ġiet imposta curfew f’postijiet bħalma huma Viña del Mar, Limache, Quilpué u Villa Alemana.

Sport