Mill-inqas 11-il persuna mietu u 23 oħra għadhom ma nstabux wara li nirien li nfirxu malajr ħakmu fix-Xlokk ta’ Spanja. In-nirien ħakmu reġjuni u żoni hekk kif Spanja għaddejja mit-tieni mewġa ta’ sħana tremenda li qabdet fiha wkoll diveri pajjiżi tal-kontinent Ewropew.
Il-vittmi, li erbgħa minnhom huma maħsuba li huma Brittaniċi, mietu waqt li kienu qed jippruvaw jaħarbu min-nirien ħdejn ir-raħal ta’ Bédar fil-muniċipalità ta’ Los Gallardos f’Almería, qal il-gvern reġjonali ta’ Andalucía.
Skont Antonio Sanz, il-Ministru għall-Emerġenza tar-reġjun, dawk li nstabu mejta ppruvaw jaħarbu minkejja l-parir uffiċjali li rrakkomanda li n-nies ma jiċċaqilqux u jibqgħu fejn huma.
Erba’ persuni li mietu f’vettura huma maħsuba li huma Brittaniċi peress li l-karozza li nstabu fiha kienet waħda li tinstaq fuq il-lemin. Seba’ persuni oħra li ħarġu mill-karozzi tagħhom u kienu qed jippruvaw jimxu ‘l barra f’rotta li ma kinitx ir-rotta ta’ evakwazzjoni sofrew konsegwenzi terribbli. Jidher li ħafna minnhom kienu wkoll barranin, iżda l-identifikazzjoni tagħhom għad trid tiġi kkonfermata.
It-temperaturi għolja – taħlita ta’ sħana, nixfa u riħ qawwi – qed jiżdiedu madwar ħafna mill-pajjiżi tad-dinja. It-tisħin tal-klima kkawżat mill-attivita tal-bniedem huwa responsabbli għal probabbiltà ogħla ta’ nirien u żoni akbar li qed jinħarqu fin-Nofsinhar tal-Ewropa, fit-Tramuntana tal-Ewrasja, fl-Istati Uniti u fl-Awstralja, b’xi evidenza xjentifika ta’ żidiet fin-Nofsinhar taċ-Ċina.
Il-Guardia Ċvili ħeġġet lin-nies li qed jippruvaw ifittxu membri tal-familja li huma nieqsa sabiex imorru l-għassa tal-belt fil-qrib ta’ La Garrucha. L-għan ewlieni huwa li jiġu identifikati l-persuni nieqsa u li jkunu jistgħu jittieħdu l-kampjuni tad-DNA sabiex jiġu identifikati l-vittmi malajr kemm jista’ jkun.
Sal-bieraħ filgħodu, 150 pompier kienu qed jissieltu man-nirien u 150 membru ieħor tal-Unità tal-Emerġenzi Militari ta’ Spanja kienu qed jiġu skjerati biex jgħinu fl-isforzi li qed isiru.
L-awtoritajiet ma kkonfermawx il-kawża tan-nar, iżda xhieda qalu lill-uffiċjali li n-nar seta’ beda wara li waqa’ arblu ta’ linja tal-elettriku, u qabbad il-ħaxix niexef qabel ma nfirex malajr fil-bosk tal-madwar.









