Putin jippjana li jeskala l-gwerra mal-Ukrajna 

0
2

Il-President tar-Russja Vladimir Putin qed ifittex li jeskala l-gwerra kontra l-Ukrajna fl-istess waqt li kkundanna b’rabja u b’mod aħrax lill-konsulenti tiegħu stess talli ssuġġerewlu biex jinnegożja waqfien mill-ġlied u l-paċi mal-Ukrajna, skont sorsi qrib tal-Kremlin. 

Sors qrib il-president Russu, li tkellem bil-kundizzjoni tal-anonimità, qal lill-agenzija tal-aħbarijiet Reuters li kien hemm “probabbiltà għolja” ta’ eskalazzjoni fix-xhur li ġejjin, hekk kif l-Ukrajna qed tkompli żżid l-attakki tagħha bid-drones fuq ir-Russja.

Il-kummenti saru minkejja li l-President tal-Istati Uniti Donald Trump qal nhar it-Tnejn li Putin ried li l-gwerra tintemm u li riżoluzzjoni tal-kunflitt kienet “eqreb milli jirrealizzaw in-nies.”

Trump kellu telefonati separati ma’ Vladimir Putin u Volodymyr Zelensky, il-ġimgħa li għaddiet. Huwa wkoll iltaqa’ ma’ Zelensky fis-summit tan-NATO nhar l-Erbgħa, fejn il-president Ukren qal li ddiskutew ideat biex iġibu l-paċi eqreb.

Sors ieħor familjari mal-ħsieb ta’ Putin qal li l-President Russu ‘żamm saqajh ma l-art’ biex jikseb l-objettiv ewlieni li jaħtaf il-bqija tar-reġjun tal-Lvant ta’ Donbas fl-Ukrajna, fejn l-avvanzati Russi naqsu din is-sena. L-istess sors qal ukoll li Putin jemmen li r-Russja dalwaqt se taħtaf id-Donbas.

F’Ġunju li għadda l-President Russu ċaħad pubblikament sejħa minn Zelensky għal laqgħa u waqfien mill-ġlied. F’dan il-kuntest, il-kelliem tal-Kremlin Dmitry Peskov b’risposta għal talba għal kumment dwar din l-istorja qal li “r-Russja hija lesta għal riżoluzzjoni paċifika iżda għandha biżżejjed kapaċità biex taġixxi b’mod indipendenti u tkompli l-operazzjoni militari speċjali.”

Xi analisti militari tal-Punent jemmnu li r-Russja jkollha bżonn reklutaġġ obbligatorju ta’ rġiel fl-età tal-ġlied biex tilħaq l-għan li taħtaf id-Donbas. Iżda l-mobilizzazzjoni u l-lieva militari huma mossa politikament mhux popolari li Putin kien riluttanti li jagħmel sa mill-bidu tal-gwerra.

L-esperti militari Russi ddiskutew dejjem aktar l-eskalazzjoni fil-pubbliku, inkluża l-possibbiltà li jattfakkaw u jolqtu miri Ewropej bħalma huma l-bażijiet tan-NATO fil-pajjiżi tal-Baltiku.

Pass bħal dan jista’ jwassal biex ir-Russja tidħol f’konfrontazzjoni diretta mal-alleanza tal-punent immexxija mill-Istati Uniti, u jittestja l-impenn tan-NATO dwar id-dikjarazzjoni li attakk fuq nazzjon membru wieħed jikkostitwixxi attakk fuq il-pajjiżi membri kollha.

Ir-Russja tista’ tfittex li tiżra’ t-tensjonijiet fin-NATO b’attakki iżolati, komparabbli ma’ attakk riċenti ta’ drone Russu fuq ir-Rumanija, skont Jack Watling tar-Royal United Services Institute (RUSI), think tank tad-difiża u s-sigurtà f’Londra.

“Ir-Russi ma jkunux qed jimmiraw għal gwerra man-NATO, iżda dan jista’ jintuża biex jifred lin-NATO dwar kif għandha tirrispondi,” qal Watling. Huwa żied jgħid li t-tensjonijiet miżjuda man-NATO jistgħu jgħinu biex jagħtu lil Putin ġustifikazzjoni politika fir-Russja biex idaħħal il-lieva militari.

Attakki ripetuti fuq raffineriji taż-żejt, portijiet u depożiti tal-ħażna fir-Russja u fl-Ukrajna okkupata mir-Russja kkawżaw nuqqasijiet severi ta’ fjuwil, u ġabu l-impatt tal-gwerra jinħass fuq miljuni ta’ Russi. Madankollu, skont stħarriġ li sar, Putin jgawdi rata ta’ approvazzjoni pubblika għolja anki jekk dan l-aħħar din laħqet l-aktar punt baxx tagħha minn meta bdiet il-gwerra fl-2022.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here