Tard ilbieraħ filgħaxija, nirien ħakmu parti minn Wied Fulija fiż-Żurrieq, liema wied ġie miftuħ ftit tax-xhur ilu. Il-membri tal-Protezzjoni Ċivili mill-ewwel marru fuq il-post fejn ikkontrollaw in-nirien.
Jirriżulta li l-CPD ġew informati għall-ħabta tal-11.00pm fejn intalbet l-assistenza minħabba nirien. Is-sitwazzjoni ġiet taħt kontroll ftit tal-ħin wara, għalkemm wieħed seta’ jara xorta nirien għal tul ta’ ħin wara.
Il-Ministru għall-Ambjent, Miriam Dalli kitbet fuq il-midja soċjali li għadu kmieni wisq biex ikun stabbilit x’wassal għal dawn in-nirien. Qalet li l-WasteServ se tkun qed tirrijabilita l-parti affettwata minnufih.
Il-Ministru Dalli rringrazzjat lill-Forzi tal-Ordni tal-assistenza immedjata tagħhom.