MALTA …………….…1
LUSSEMBURGU …….0
It-tim nazzjonali Malti tan-nisa kiseb rebħa minima ta’ 1-0 kontra l-Lussemburgu f’partita internazzjonali ta’ ħbiberija li ntlagħbet fis-Centenary Stadium.
Wara bidu pjuttost bilanċjat biż-żewġ timijiet jistudjaw lil xulxin, il-partita bdiet tieħu r-ritmu tagħha wara l-20 minuta, meta ż-żewġ naħat ħolqu okkażjonijiet importanti fi ftit minuti.
Kienet Yulya Carella li marret viċin għal Malta b’konklużjoni mill-viċin, iżda l-ballun spiċċa direttament f’idejn il-goalkeeper tal-Lussemburgu. Ftit wara waslet ir-risposta tal-avversarji permezz ta’ Joana Lourenco, li rat ix-xutt tagħha jaħbat mal-mimduda biex il-Maltin ħelsuha ħafif
Fil-21 minuta, il-Lussemburgu ngħataw penalty wara li Maya Cachia waqqgħet lil Kimberley Dos Santos fil-kaxxa. Cachia iżda patiet għall-iżball tagħha mill-ewwel hekk kif wettqet save mill-aqwa biex ċaħdet lil Marta Estevez Garcia mill-ħdax-il metru u żammet l-iskor indaqs.
Għaxar minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima, Malta reġgħet resqet ferm viċin li tiftaħ l-iskor meta Haley Bugeja kellha konklużjoni mill-viċin imwaqqfa b’save mill-aqwa tal-goalkeeper tal-Lussemburgu.
Ftit wara kienet il-captain Rachel Cuschieri li ppruvat xortiha b’xutt perikoluż li għadda ftit barra mill-ewwel lasta, hekk kif Malta kompliet tfittex il-gowl tal-vantaġġ qabel il-mistrieħ, xi ħaġa li l-plejers Maltin ma rnexxielhomx jagħmlu sabiex l-ewwel taqsima spiċċat fi draw ta’ mingħajr gowls.
Fit-tieni taqsima, il-Lussemburgu ħarġu fuq l-attakk u ppruvaw b’xutt mill-bogħod ta’ Hannah Dietrich, iżda l-konklużjoni tagħha għaddiet barra.
Malta fetħu l-iskor fit-58 minuta permezz ta’ Haley Bugeja, li rċeviet mingħand l-eks sieħba tagħha ma’ Mġarr, Brenda Borg, u mill-viċin għelbet lil Lucie Schlimé. Għal Bugeja dan kien il-25 gowl tagħha mat-tim nazzjonali Malti.
L-attakkanta ta’ Inter marret viċin ħafna li tirdoppja ftit wara, iżda Schlimé reġgħet kienet determinanti hekk kif irnexxielha timblokka x-xutt tagħha .
Malta kompliet tagħfas hekk kif mill-corner li segwa , Maria Farrugia ippruvat b’volley li għadda għoli, filwaqt li ftit wara l-istess plejer reġgħet kellha tentattiv li spiċċa barra.
Fil-71 minuta, Malta kellha opportunità tad-deheb biex tagħmilhom tnejn meta ngħatat penalty. Kienet Haley Bugeja li nkarigat ruħha mix-xutt mill-11-il metru iżda l-goalkeeper Schulime laqgħet tajjeb.
Minkejja li l-Lussemburgu baqgħu jattakkaw, huma ma rnexxielhomx jinfdu d-difiża organizzata Maltija.
Malta: Maya Cachia (Giulia D’Antuono 46 min), Alexandra Marcella Gatt, Georgiana Mifsud , Jessica Lee Dimech (Leanne Cefai 54 min), Yulya Carella (Nyorah Celeste 73 min), Rachel Cuschieri (C), Kailey Willis (Sara Saliba 46 min), Maria Farrugia, Shona Zammit (Fiona Buttigieg 73 min), Nicole Sciberras (Brenda Borg 46 min), Haley Bugeja (Valentina Rapa 78 min).
Coach: Manuela Tesse.
Lussemburgu: Lucie Schlimé, Emma Kremer, Marta Estevez Garcia, Joana Lourenco, Catarina Lavinas, Laura Miller (Gioia Fiorucci 60 min), Ana Abreu Barbosa (Barbara Serra 73 min), Leila Schmit, Anna Miny (Andreia Faria 73 min), Hannah Dietrich (Charlie Jorge 60 min), Kimberley Dos Santos (Rachel Kirps 60 min).
Coach: Daniel Zirbes.
Referee: Charlotte Elizabeth Carpenter (WAL)
Assistenti: Laura Roberts, Michelle Jane Portelli (Wales)
Ir-Raba’ Uffiċjal: Mark Azzopardi (Malta)
Imwissija: Alexandra Gatt (M), Anna Minny (L)
Skorjat: Haley Bugeja 58 min (M)




