Monday, November 4, 2024

“Nistennew li l-Qrati jkunu sodi f’kull fażi tal-proċess, sal-eventwali sentenza”

Il-Prim Ministru dwar il-każ tal-mewt Pelin Kaya

Aqra wkoll

Waqt l-attività politika fiċ-Ċentru Laburista taż-Żejtun il-Prim Ministru Robert Abela radd ħajr lill-Pulizija li bi professjonalità ħadmu fil-każ tal-mewt ta’ Pelin Kaya li xxokkja lill-pajjiż fl-aħħar jiem. Huwa rringrazzjahom tax-xogħol li qegħdin iwettqu kontra l-kriminalità organizzata b’mod partikolari dik organizzata.

F’messaġġ mill-aktar konvinċenti, il-Prim Ministru qal li jittama li l-istess effiċjenza u kuraġġ muri mill-Pulizija tintwera wkoll minn istituzzjonijiet oħra bħal fil-qrati tagħna li issa għandhom l-aspettativa pubblika fuqhom sabiex ikollna proċess ġudizzjarju effiċjenti, sod u li jwassal biex jintbagħat messaġġ b’saħħtu li kulħadd qiegħed jistenna l-ħarsien tas-sigurtà f’pajjiżna.

Il-Prim Ministru saħaq li każ bħal dak ta’ nhar l-Erbgħa jqajjem fik sens ta’ rabja kbira. Huwa tenna li jistenna li l-qrati jkunu sodi, u dan isir f’kull fażi tal-proċess, kemm fl-ipproċessar tal-ħelsien mill-arrest, fis-smigħ tal-provi u fl-eventwali sentenza. 

Huwa għalaq jgħid li jeħtieġ li filwaqt li nibqgħu soċjetà li tagħder, irridu naraw li nibqgħu nieħdu ħsieb xulxin u li “min fis-soċjetà tagħna ma jiħux ħsieb lil xulxin, irid jaffaċċja l-konsegwenzi tal-ġustizzja li nistennew li tkun waħda iebsa”.

Sport