Friday, December 13, 2024

“Nistiednek li jekk għadek ma ddeċiedejtx li tagħti l-fiduċja lilna, nitolbok tislifna l-fiduċja”

Aqra wkoll

Minn ġewwa Ta’ Xbiex, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li huma jibbażaw il-politika tagħhom mhux biss fuq livel nazzjonali imma wkoll dak li jolqot in-nies.

“Il-viżjoni li għandna ppreparata għal Malta li fis-26 ta’ Marzu li bil-fiduċja tiegħek nistgħu nibdew inwettqu,  fiha diversi miżuri, diversi ħsibijiet, diversi policies u valuri li aħna nixtiequ li nitrażmettu f’dan il-pajjiż.”

Qal ukoll: “Aħna għandna politika ambjentali b’saħħitha imma fuq kollox reali. Politika ambjentali li tassew hija intiża biex f’dan il-pajjiż nipproteġu l-ambjent. L-ambjent, li permezz tiegħu tassew jista’ jkollna kwalità ta’ ħajja aħjar. Filwaqt li l-iżvilupp huwa neċessarju, irridu bla dubju naraw li jkun wieħed sostenibbli. Allura jeħtieġ li jkollna Awtorità, li tkun Awtorità tal-Ippjanar, li fiha aħna nkunu qed nippjanaw kif irridu niżviluppaw il-lokalitajiet tagħna. Mhux Awtorità tal-permessi.”

Żied jgħid: “Għalhekk, Gvern Nazzjonalista se jkun dak il-gvern li inti tista’ tavda li permezz tiegħu u miegħu, il-lokalità tiegħek se timxi ‘l quddiem. Li se jkollok baħar aktar nadif, toroq u pjazez miżmuma tajjeb, fost oħrajn.  Aħna għandna responsabbiltà mhux biss lejna imma wkoll lejn il-ġenerazzjonijiet li ġejjin warajna. Nistiednek  biex int tagħraf li dan il-Partit li fehem, u anke tgħallem mill-iżbalji tal-imgħoddi, għandu llum politika ċara ambjentali li se tagħtik kwalità ta’ ħajja aħjar.”

“Nirringrazzjak, filwaqt li nistiednek li jekk għadek ma ddeċiedejtx li tagħti l-fiduċja lilna, nitolbok tislifna l-fiduċja biex flimkien, miegħek għal Malta, ikollna lkoll kwalità ta’ ħajja aħjar,” temm jgħid.

Ekonomija

Sport