Sunday, December 22, 2024

“Nitlob li jsejħilna flimkien jew li jsejjaħli sekonda biss warajh għax nibża’ li ma jsibx minn jipproteġih u jħobbu”

Omm tifel bl-awtiżmu tiftaħ qalbha dwar il-biża' tal-futur ta' binha ladarba tiġi nieqsa

Aqra wkoll

Minn post li nxterdet lbieraħ fuq Facebook jidher li nfetħet il-ferità ta’ bosta ġenituri li għandhom tfal bl-awtiżmu u li ta’ kuljum jispiċċaw imnikkta bl-imġiba irresponsabbli ta’ xi uħud.

Wara li lbieraħ Talk.mt tkellem mal-psikologa Katya De Giovanni rigward il-każ ta’ persuna li sfat insulentata minn barrani waqt li kienet qiegħda tieħu kafe ma’ binha f’Tas-Sliema, kumment li segwa l-artiklu ppubblikat kompla jżid furur fil-midja.

Il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli kienet fost dawk li kkundannaw dan il-kumment fejn intqal li tfal bl-awtiżmu huma perikolużi u li mhux posthom ma’ tfal normali.

Fost dawk li rreaġixxew kien hemm il-mama ta’ Diego, omm li fl-aħħar snin għażlet li taqsam l-esperjenzi tagħha ma’ binha mal-pubbliku biex tgħin ġenituri oħra jrabbu dik il-qoxra li skontha hija neċessarja biex tibqa’ miexja ’l quddiem.

“Għalina l-ġenituri ta’ tfal bl-awtiżmu, dan il-kumment, għalkemm xokkanti mhuwiex xi ħaġa ġdida. Ta’ kuljum inħabbtu wiċċna ma’ nies li jħarsulna bl-ikrah, li jiġġudikawna, li jgħaddulna kummenti mhux xierqa, u li saħansitra jippruvaw jiddieħku bina u b’uliedna. TA’ KULJUM!”, sostniet l-omm.

L-omm spjegat li hi u ħafna oħrajn bħala ta’ kuljum meta jaraw din l-imġiba fil-konfront tagħhom jistaqsu ħafna mistoqsijiet li jduru ma’ prinċipju wieħed; min se jipproteġi lil uliedhom jekk dawn ma jsibu lil ħadd minn iħobbhom u jirrispettahom?

Hija kompliet li għalkemm forsi hemm min jiħasad jisma’ dan id-diskors minn naħa ta’ omm, hija ċerta li t-talba tagħha hija l-istess waħda ta’ bosta ommijiet oħrajn ta’ tfal bl-awtiżmu.

Spjegat li t-talba tagħha tkun li jekk l-unika triq ’il bogħod mis-sofferenza tkun … “Mulej sejħilna flimkien, jew għallinqas sejjaħli sekonda waħda biss warajh, ħalli fl-ebda mument f’ħajtu ma jħossu waħdu, indifiz, mhux aċċettat, mhux maħbub jew agħar minn hekk maltrattat u abbużat”.

L-omm temmet tgħid li din it-talba hija riżultat ta’ biża’ mill-fatt li ħadd ma jkun jista’ jipproteġi lill-għażiż binha minn individwi bħal dak il-persuna li kiteb li tfal bl-awtiżmu huma perikolużi.

Ekonomija

Sport