Sunday, December 22, 2024

“Nixtieq ngħin aktar żgħażagħ ifittxu l-għajnuna”

Aqra wkoll

Jade Cini hi r-rebbieħa tal-konkors Miss Universe Malta li sar fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet f’lukanda ewlenija f’San Ġiljan. Wara din ir-rebħa, hi se tkun qed tirrappreżenta lil Malta fis-70 edizzjoni tal-konkors internazzjonali tas-sbuħija li se jsir fil-21 ta’ Diċembru li ġej fil-belt Iżraeljana ta’ Eilat.

Dan l-avveniment kien ippreżentat minn Ben Camilleri u organizzat minn Alan J. Darmanin.

Fit-tieni post spiċċat Michela Galea li kienet qed tirrappreżenta lill-Imġarr filwaqt li l-kontestanta li kienet qed tikkompeti f’isem San Ġiljan Maxine Formosa spiċċat fit-tielet post.

Ċertament li Jade Cini m’għandha bżonn tal-ebda introduzzjoni fejn għandu x’jaqsam l-immudellar hekk kif ħadet sehem f’diversi konkorsi tas-sbuħija u dejjem kisbet rikonoxximent tajjeb.

Fil-fatt għaliha din mhux se tkun l-ewwel parteċipazzjoni tagħha fuq livell internazzjonali hekk kif ħadet sehem f’Miss Intercontinental darbtejn oħra fl-2013 fil-Ġermanja u fl-2016 fi Sri Lanka.

Jade Cini għandha 26 sena u twieldet il-Belt Valletta. Hi bdiet tieħu sehem f’konkorsi tas-sbuħija meta kellha biss erba’ snin u minn hemm ‘l hemm qatt ma ħarset lura u bl-għajnuna tal-ġenituri li tawha sapport enormi, kompliet tevolvi dejjem aktar fil-karriera tagħha. Wara li attendiet għall-kors ta’ għalliema fl-Universita’ ta’ Malta, hi gradwat fl-2018.

F’dan iż-żmien, Jade dejjem irnexxielha tlaħħaq mal-professjoni tagħha kif ukoll max-xogħol li jirrikjedi meta tipparteċipa f’konkorsi bħal dawn. Fl-2013 hi marret f’Magdeburg fil-Ġermanja sabiex tieħu sehem fil-konkors bl-isem ta’ Miss Intercontinental 2013 filwaqt li sena wara kkompetiet f’Miss Model of the World 2014.

F’Settembru 2015, hi rrappreżentat lil Malta u kkompetiet kontra 50 mudella oħra fil-konkors Top Model of the World li saru f’El Gouna fl-Eġittu. Hi spiċċat mal-aqwa 17 tal-kompetizzjoni, riżultat verament prestiġġjuż. Fl-istess sena, hi ħadet sehem ukoll fil-Best Model of the World 2015 u rebħet il-kategorija ta’ Best Model of the Mediterranean.

F’Ottubru 2016, hi rrappreżentat għal darb’oħra lil Malta f’Miss Intercontinental fi Sri Lanka u kkompetiet ma’ 62 mudella oħra. Din hi d-darba hi ma kisbitx klassifikazzjoni.

Aħna attendejna għal din is-serata li ġiet organizzata bl-akbar reqqa possibbli u eventwalment ħadna l-kummenti ta’ Cini li dehret ferħana u sodisfatta għal dak li rnexxielha tagħmel. Fuq kollox stajt nara f’Cini bniedma umli u saqajha mal-art fejn is-suċċessi passati qatt ma telgħulha għal rasha u baqgħet bil-karattru uniku tagħha.

Apparti l-kuruna bħala rebbieħa ta’ Miss Universe Malta, Cini ħadet ukoll il-premju ieħor prestiġġjuż, dak ta’ Miss Personality, unur li juri li s-sbuħija tagħha hija interna daqskemm hi fiżika.

Meta saqsejniha dwar xi jfisser għaliha dan is-suċċess, Cini kienet ferm kuntenta b’dak li kienet għadha kemm għaddiet minnu ftit tal-minuti qabel.

“Ninsab bla kliem. Ninsab verament kuntenta li se nkunu qed nirrappreżenta lil Malta għat-tielet darba fil-karriera tiegħi. Minn hawn nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li emmnu fija sa mill-bidu, lil ommi li dejjem kienet hemm għalija, lil sħabi li dejjem bagħtuli messaġġ ta’ inkoraġġiment u kull min tani l-punti. Dan is-suċċess hu għalihom ukoll.”

Il-mudella, kantanta u attriċi aktar qabel kienet ħabbret li ser tkun qed tagħti sehemha f’kampanja li tgħin lil tant annimali li jisfaw abbandunati, AAA. Fil-fatt hi ħeġġet lis-segwaċi tagħha biex jagħtu l-kontribut tagħhom u jgħinu kif jistgħu f’din il-kampanja.

Jade tgħid kemm ġenwinament tixtieq tgħin lil din l-għaqda li tant teħtieġ tal-għajnuna.

“Hi kampanja ferm importanti sabiex ngħinu lil dawn l-annimali abbandunati li wara kollox huma wkoll il-ħbieb tagħna. Nibqa’ nħeġġeġ lin-nies sabiex l-eżempju li tajt jien ikompli jkaxkar sabiex verament nagħtu dinjita’ lil dawn il-kreaturi li jien insejħilhom nobbli.”

Cini kkonfermat li tul il-konkors tas-sbuħija ta’ din is-sena, kien hemm kollaborazzjoni sħiħa bejn il-mudelli li hi sejħitilhom ħbieb aktar milli kompetituri.

“Aħna tajna s-sapport lil xulxin f’dan il-mument minkejja li konna qegħdin f’kompetizzjoni. Bħal dejjem għamilt ħbieb ġodda u dan hu s-sabiħ ta’ dan il-konkors.

Saqsejna lil Cini dwar il-futur tagħha u hi qalet li hi se tkun qed tipprepara bis-sħiħ sabiex tieħu sehem fil-konkors li se jsir f’Eilat fl-Iżrael fejn se tkun qed tiġi organizzata s-70 edizzjoni. Hi se tkun qed tagħmel minn kollox sabiex bħalma dejjem għamlet tgħolli isem Malta kemm jista’ jkun. 

Jade Cini għażlet ukoll li tniedi kampanja tul dan il-konkors u titkellem dwar il-vjolenza domestika, suġġett li skontha hawn bżonn ta’ aktar għarfien dwaru. Fuq kollox din hi esperjenza li għaddiet minnha hi stess u li b’xorti tajba rnexxielha toħroġ minnha. Issa hi tixtieq tgħin lil ħaddieħor sabiex ma jgħaddux mill-istess esperjenza.

“Tul din il-kampanja ta’ Miss Universe Malta għażilt li nitkellem dwar il-vjolenza domestika. Peress li jien għaddejt minn din l-esperjenza, beħsiebni nkompli naħdem fuq dan u ngħin kemm jista’ jkun tfajliet, u anke ġuvintur, biex isibu l-kuraġġ u jfittxu l-għajnuna.”

Cini saħqet dwar il-fatt li s-sbuħija minn barra hi fundamentali sabiex tirbaħ konkors bħal dawn għalkemm dik interjuri hu dak li jgħodd.

“Is-sbuħija minn barra tilgħab parti importanti u dan ħadd ma jista’ jiċħdu, għalkemm jien iktar inħobb nitkellem fuq is-sbuħija tal-karattru interjuri. Kemm int lesta tgħin lil ħaddieħor f’mumenti ta’ diffikulta’, tħobb, tirrispetta lil dak li jkun u fuq kollox tibqa’ saqajk mal-art.”

Meta saqsejniha dwar kif jirnexxielha tlaħħaq mal-professjoni tagħha ta’ għalliema li titlob ħafna preparazzjoni ta’ lezzjonijiet, korrezzjonijiet u xi korsijiet oħra u l-immudellar, Cini qalet li hu importanti li bniedem jorganizza sew ħinu u ma jitlifx ħin. 

Cini kienet ukoll kburija li rrappreżentat lill-Belt Valletta f’dan il-konkors li sar fi tmiem din il-ġimgħa.

“Jien trabbejt il-Belt Valletta u jien kburija li rbaħt dan il-konkors f’isem belt twelidi. Din il-belt għandha post f’qalbi għax tfakkarni ħafna fit-tfulija tiegħi u anke l-familja tiegħi hi marbuta mal-belt kapitali hekk kif missieri u anke ħija lagħbu mat-tim tal-futbol.”

Finalment fl-aħħar mistoqsija tagħna lil Jade, tlabniha sabiex tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fl-immudellar.

“Forsi jekk hemm xi ħadd hemm xi tfal jew żgħażagħ hemm barra li għandu jew għandha xi ħolma jew xi ħaġa li vera jixtieq jagħmel, ma tagħmilx differenza kemm iddum biex tasal għaliha u forsi t-triq tkun diffiċli, imma finalment dejjem ikollok dak is-sodisfazzjon li tkun ħdimt għal xi ħaġa u wettaqt il-ħolm tiegħek realtà.”

Ekonomija

Sport