Thursday, October 10, 2024

IT-TRIQ LEJN IL-BAĠIT 2022

Cressida Galea
Cressida Galea
Ekonomista

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-baġit għas-sena 2022 se jkun ippreżentat fil-Parlament fil-11 ta’ Ottubru. Iżda ma nistgħux nitkellmu dwar il-baġit li jmiss mingħajr ma nsemmu l-istat ekonomiku tal-pajjiż, li minkejja l-effetti tal-pandemija għadhom jinħassu, pajjiżna qabad it-triq lejn irkupru ekonomiku pożittiv u b’saħħtu. Dan kien possibbli biss minħabba d-deċiżjonijiet bi pjan li ttieħdu matul il-pandemija, kif ukoll minħabba l-istat ta’ finanzi pubbliċi, li kien wieħed b’saħħtu qabel il-pandemija. F’mument ta’ kriżi, ħarġet il-qalb soċjalista ta’ Gvern Laburista. 

L-istat ekonomiku 

Malta rreġistrat l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja, waqt perjodu li, anke jekk tħares lejn pajjiżi oħra, din ir-rata kienet mistennija li tisplodi. Iżda dan ma sarx minħabba l-bżulija u d-deċiżjonijiet li ħa il-gvern sabiex il-ħaddiema ma jispiċċawx mingħajr xogħol. Dan ifisser li f’Malta hawn l-inqas rata ta’ persuni li qed jirreġistraw għax-xogħol. 

Tajjeb li wieħed isemmi wkoll ir-rata ta’ impjiegi li żdiedet matul il-pandemija. Dan ifisser li mhux talli r-rata tal-qgħad ma żdiditx iżda ir-rata tal-impjiegi żdiedet, li tfisser li anke waqt pandemija kompla jinħoloq ix-xogħol. 

Statistika li ippubblika il-Bank Ċentrali ta’ Malta turi li matul l-ewwel kwart ta’ din is-sena, is-suq tax-xogħol kompla jirkupra, hekk kif l-impjiegi żdiedu meta mqabbla mal-kwart ta’ qabel, filwaqt li l-qgħad naqas. Ir-rata tal-qgħad kienet fil-livell ta’ tlieta punt disgħa fil-mija (3.9%), inqas minn erbgħa punt erbgħa fil-mija (4.4%) rreġistrata fil-kwart ta’ qabel. Din ir-rata hija wkoll ferm inqas minn dik fiż-żona ewro, li kienet fil-livell ta’ tmienja punt ħamsa fil-mija (8.5%). Dawn il-kisbiet huma evidenza ċara ta’ kemm il-Partit Laburista huwa partit tal-ħaddiema. 

Dawn ir-rati, flimkien ma’ fatturi oħra, ikkontribwixxew għat-tkabbir ekonomiku ta’ tlettax punt erbgħa fil-mija (13.4%) u investiment rekord li juri kif Malta qegħda fit-triq ta’ rkupru mill-pandemija. Malta rreġistrat defiċit inqas għall-ewwel seba’ xhur ta’ 2021 meta mqabbel mas-sena l-oħra. 

L-uffiċċju nazzjonali ta’ l-istatistika ippubblika statistika li turi li ż-żieda fil-prodott domestiku gross, jiġifieri t-tkabbir fl-ekonomija, ġiet minħabba żieda qawwija fis-settur tas-servizzi, partikularment fl-attività tal-konsum lokali u għalhekk tkabbir sostanzjali fid-domanda domestika. Dan jikkonferma li l-qagħda tal-familji u tan-negozji qed tirkupra u tisaħħaħ.  

Baġit għall-2022

Kif diġa ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela, dan se jkun bagit ieħor bla taxxi ġodda, minkejja d-daqqa ekonomika tal-pandemija. Għal darba oħra, il-valuri tal-gvern laburista se jkunu instrumentali f’dan il-bagit, b’miżuri soċjali li jħarsu lejn l-interessi tal-familji u l-ħaddiema, kif ukoll lejn l-interessi tal-minoranza, l-anzjani u l-pensjonanti. 

Diġà tħabbar it-tfassil tal-pakkett soċjali li se jkun ippreżentat fil-Baġit li jmiss. Dan il-pakkett se jkun qed jgħin madwar tlett mitt elf persuna, madwar sittin fil-mija (60%) tal-popolazzjoni ġenerali, b’miżuri firxa li se jkunu qed itejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ diversi persuni u familji.  

L-ekonomija diġitali u l-ekonomija l-ħadra se jkunu fiċ-ċentru tal-ħidma tal-gvern. Ekonomija sostenibbli hija prijorità sabiex ulied uliedna jgawdu minn kwalità ta’ ħajja aħjar minn tallum.  

Għandna nibqgħu għaddejjin b’dan il-momentum sabiex l-ekonomija Maltija mhux biss tirkupra iżda tkompli tissaħħaħ, u verament Malta tkun ċentru ta’ eċċellenza kif joħlom il-Prim Ministru Robert Abela. Madankollu, biex dan iseħħ hemm bżonn li jkollna Gvern imexxina li huwa kredibli u kapaċi jieħu deċiżjonijiet għaqlin għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu, kif inhu Gvern Laburista. 

Cressida Galea; Ekonomista u Kandidata f’isem il-PL

Sport