Il-kirurgu li opera lil John Pisani għamel nofs siegħa b’qalbu f’idu biex isalvah
Rebbieħ tal-Gold Award mill-Istitut tal-Ġurnalisti, bi kważi 30 sena esperjenza fil-midja, John Pisani huwa l-aktar magħruf għax-xogħol investigattiv li kien jagħmel fejn, grazzi għall-kuntatti u s-sorsi mill-aqwa li kellu, kien iżomm lill-poplu Malti aġġornat bil-kronaka lokali. Dan l-eks-ġurnalist, illum pensjonant, din is-sena għadda minn esperjenza partikolari li fiha seta’ tilef ħajtu. F’intervista ma’ Talk,mt jaqsam magħna dak kollu li għadda minnu u xi ħsibijiet għaddewlu minn moħħu meta sar jaf li fit-teatru tal-operazzjoni kien mejjet għal 30 minuta b’qalbu f’idejn il-kirurgu li baqa’ jippompjahielu sakemm Pisani reġa’ “qam mill-mewt”.
“Li ma kienx għall-kirurgu Kevin Schembri illum m’inix hawn miegħek. Wara li għaddejt minn dan kollu, kulma nixtieq huwa li mqar ngħix biex nara lin-neputija Amelya tiggradwa mill-Università u nkun jien li neħodilha r-ritratt tal-gradwazzjoni”. Hekk beda John Pisani li minkejja kollox, għadu jitbissem u jitkellem b’determinazzjoni liema bħalha għall-futur.
Dan il-ġurnalist veteran irrakkonta kif għal perjodu ta’ żmien innota li waqt li kien ikun qiegħed jara t-televiżjoni, kien qiegħed ibati biex jieħu n-nifs.
Diffikultà biex jieħu n-nifs irriżultat problema serja fil-qalb
“Jien tip ta’ bniedem li kont nagħmel minn kollox biex nevita t-tobba. Inkun miġugħ u ngħid issa jgħaddili. Kollox beda lejn l-aħħar tas-sena 2020 u kont ili bejn tliet u erba’ xhur inbati biex nieħu n-nifs. Għall-bidu ma tajtx kas. Dan sakemm darba qomt minn fuq is-sufan u għidt lil marti li tlaqt lejn iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta u mn’alla għamilt hekk. Inħoss li kont iffortunat ħafna li fittixt l-għajnuna eżatt fil-ħin,” spjega Pisani.
Huwa qal li fiċ-Ċentru tas-Saħħa sarulu għadd ta’ testijiet u ġie rrakkomandat għand professur biex jagħmel stress test. Meta huwa mar l-Isptar Mater Dei sarlu dan l-istress test kif ukoll xi testijiet oħra sakemm ġie deċiż li jsirlu angogram, dik li ħafna jafuha bħala l-molla fil-qalb. Dan minħabba li sabulu vina misduda.
Mistoqsi kif ħa din l-aħbar, Pisani bi tbissima qal li, “jien bniedem kalm ħafna. Kieku ma kontx hekk, kieku ili mejjet mill-1992 minħabba inċident gravi tat-traffiku li kelli. Tlajt fuq centre strip u qbadt it-telecell, li dak iż-żmien qisu arma għax kien fih daqshiex u kont jien stess li bil-kalma kollha ċempilt għall-għajnuna. Meta ġew tal-ambulanza beżgħu u qaluli li riedu jċemplu tal-SAG biex jaqtgħu l-karozza ħalli joħorġuni. Jien insistejt li noħroġ jien u hekk sar. Minħabba l-ġrieħi li sofrejt qattajt sitt ġimgħat fl-isptar”. Dan il-pensjonant, li issa laħaq l-età sabiħa ta’ 69 sena, jemmen li dakinhar ta’ dan l-inċident kien żied ħajja oħra.
10% biss ċans li joħroġ minnha
Il-kuraġġ u r-reżiljenza tiegħu għenuh fil-ħajja u l-istess fil-każ tal-problema f’qalbu. Għall-bidu l-ħsieb kien li ssir il-molla, li jieħdu ibnu filgħodu fl-isptar, jingħata anestesija lokali, ilestuh u sa filgħaxija jirritorna d-dar. Pisani qal kif, “il-Kirurgu Schembri ġie fuqi u staqsieni lil min tal-familja jista’ jċempel għax se jkollu joperani. Ċemplu lit-tifel. Jien sirt naf kollox wara għax irrakkontawli x’eżattament ġara”.
Meta l-Kirurgu tkellem ma’ ibnu Brandon qallu li se jkollu joperah minħabba li t-testijiet irriżultaw li għandu l-vina misduda kompletament u se jkollhom jagħmlulu double bypass urġenti għax kien fil-periklu li jitlef ħajtu. Qalulu li l-affari kienet ferm aktar serja milli ħasbu tant li jaħsbu li hemm 10% biss ċans li joħroġ minnha.
“Operani, ħietni u kien lest. Imbagħad qalbi waqfet u mitt. Reġa’ fetaħni u bl-interventi tax-xokkijiet u l-messaġġi manwali b’qalbi f’idejh għal 30 minuta, salvani”
John Pisani
Pisani jmur lura għal dak il-jum tal-operazzjoni delikata f’qalbu fejn jisħaq li kien il-Kirurgu Schembri u t-tim tiegħu li salvawlu ħajtu. “Operani, ħietni u kien lest. Kif kont għadni fit-teatru tal-operazzjoni, qalbi litteralment waqfet u mitt. Reġa’ fetaħni u bl-interventi tax-xokkijiet u l-messaġġi manwali b’qalbi f’idejh għal 30 minuta, salvani,” spjega Pisani. L-eks ġurnalist qal li ovvjament huwa ma kien jaf b’xejn u dan sakemm irrakkontawlu kollox it-tobba u l-qraba b’dak li ġara waqt li kien fuq il-mejda tal-operazzjoni.
Kienu qegħdin jaraw jekk moħħi huwiex jaħdem tajjeb…
Wara l-operazzjoni, lil tal-familja infurmawhom li jinsab rieqed fejn qalulhom ‘qalbu ok, taħdem tajjeb u m’hemmx problemi imma ma nafux moħħu kif inhu minħabba l-ossiġnu. La jqum, inkunu nafu’. Kif wieħed jista’ jimmaġina dan il-kliem ma kienx faċli għall-għeżież tiegħu imma Pisani ma kienx jaf x’inhuwa jiġri għax il-oppju nessih ċerti affarijiet. Jgħid li kif ġie f’tiegħu l-infermieri ta’ kuljum kienu jistaqsuh in-numru tal-Karta tal-Identità tiegħu u “wara xi darbtejn, tlieta rrealizzajt li kienu qegħdin jaraw jekk moħħi huwiex jaħdem tajjeb”.
Dan il-ġurnalist veteran dam l-isptar ġimgħa u għal dan il-perjodu ħadd ma seta’ jmur jarah peress li kien żmien fejn il-viżitaruti ma setgħux jidħlu. Jiftakar li meta qam mill-operazzjoni nħasad għax ma kienx jaf x’ġara. Sab li ġismu kien mimli punti u mbenġel kollu. Dan kien kollu riżultat tal-isforz fl-operazzjoni biex isalvawlu ħajtu. “M’għandix kliem biżżejjed biex nirringrazzjahom u nfaħħarhom tax-xogħol mill-aqwa li jagħmlu. Mhux it-tobba biss imma kulħadd, minn fuq s’isfel,” kompla Pisani.
Huwa qal li wara l-operazzjoni ma ħassx uġigħ u li fil-fatt l-għada kien tajjeb biżżejjed biex iqum mis-sodda u jimxi. Sakemm mar id-dar Pisani ma kienx għadu konsepevoli kompletament ta’ x’għadda minnu. Illum il-ġurnata jaf għax kemm tal-familja kif ukoll it-tobba, spejgawlu kollox.
Każ li t-tobba qatt mhuma se jinsew
Il-kirurgu Schembri wara qallu li meta ġie biex jimlilu l-karti, kien niżżlu bħala Lażżru għax ‘litteralment qomt mill-mewt’. Pisani jiftakar lill-istess kirurgu jgħid lill-kollegi li l-każ tiegħu huwa wieħed li qatt m’huma se jinsewh għall-bqija ta’ ħajjithom. Żied jgħid li, “għalija salvali ħajti għall-fatt li baqa’ b’qalbi f’idu jinsisti u jippompja biex isalvani”. L-eks ġurnalist spjega lil dan il-kirurgu Malti qatt ma kien jafu qabel ma ġietu din il-problema f’saħħtu għax jaħdem biss Mater Dei u ddeskrivih bħala persuna ġentili ħafna.
Mistoqsi kif kien l-irkupru wara operazzjoni serja bħalma kellu, Pisani qalilna li beda jiġi f’postu bil-mod il-mod u waħda mill-affarijiet li għenitu hija l-eżerċizzju billi kien jimxi madwar id-dar u jitla’ t-taraġ ta’ kull lejl biex imur jorqod. L-aktar ħaġa li jħoss in-nuqqas tagħha hija proprju l-għażiża neputija tiegħu Amelya “għax jien il-ġugarell uman tagħha… Kif tiġi minn barra b’ġirja għal fuqi imma qalulha li issa ma nistax. Is-saħħa ma nistax ngħid li naqset għax l-ispirtu għadu hemm imma differenti”. Dan in-nannu kien jieħu gost jilgħab ħafna man-neputija tiegħu iżda minn wara l-operazzjoni ‘l hawn ma jistax daqs u bl-istess mod kif kien qabel.
Min-naħa tiegħu John Pisani jrid jagħmel appell importanti biex jekk persuna tħoss xi wġigħ, importanti li ma tħallix għall-aħħar. Il-parir tiegħu huwa li, “m’hemmx għalfejn wieħed jibża’. Morru ċċekkjaw… jekk mhux għalikom, għamluha għall-familja u għal min iħobbkom”.