Noah Okafor ma jridx jilgħab aktar għall-Isvizzera taħt it-tmexxija tal-coach Murat Yakin
Il-player ta’ Leeds United, Noah Okafor, ħabbar li mhux se jerġa’ jilgħab mat-team nazzjonali tal-Isvizzera taħt il-manager Murat Yakin.
Okafor, ta’ 26 sena, lagħab 26 partita mat-team nazzjonali minn mindu ddebutta fl-2019. Huwa qal li d-deċiżjoni tiegħu mhijiex relatata mal-ftit ħin li ngħata fil-ground, iżda ma’ nuqqas ta’ fiduċja fil-coach u fit-tmexxija attwali.
Okafor spjega li xi ġrajjiet weġġgħuh ħafna, li nkisret il-fiduċja u li ma nżammewx ċerti wegħdiet.
Huwa semma wkoll kritika li rċieva wara l-logħba kontra l-Alġerija. Il-Federazzjoni Svizzera tal-Football qalet li tirrispetta d-deċiżjoni tiegħu u awguratlu suċċess.
Il-manager ta’ Leeds, Daniel Farke, wera l-appoġġ tiegħu għal Okafor u qal li l-club huwa dar għalih, fejn iħossu komdu u apprezzat.
Farke jemmen ukoll li Okafor jista’ jsir player importanti fil-Premier League. Yakin ilu jmexxi lill-Isvizzera minn Awwissu 2021.




