Sunday, December 22, 2024

“Normali li Jannar ikun kwiet, iżda din is-sena kien esaġerat”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne ħabbar fil-parlament li minħabba li l-maġġoranza laqgħu l-istedina tal-booster, mis-7 ta’ Frar se jkunu jistgħu jiġu rilaxxati xi miżuri, fosthom li ma jibqax obbligat li jiġi ppreżentat ċ-ċertifikat tat-tilqim f’ristoranti, snack bars u każini.

Talk.mt ħadet l-opportunità biex taqsam mal-qarrejja l-ħsieb ta’ uħud mis-sidien ta’ ristoranti f’pajjiżna. Aktar kmieni qsamna magħkom dak li kellhom xi jgħidu Michelle Muscat u Rouvin Zammit.

“Qiegħda tinħass ċaqlieqa imma kien hemm daqqa kbira”

Sean Gravina

Ir-ristorant “Crust” kien magħluq għal ġimagħtejn shutdown ta’ wara l-festi u s-sid, Minn naħa tiegħu Sean Gravina, qalilna li għalih dawn il-miżuri ma kellhomx jiġu implimentati mill-bidu.

Huwa tal-opinjoni li aktar milli l-miżuri affettwaw lill-ħaddiema fis-settur, il-miżuri taċ-ċertifikat validu biex tidħol f’ristoranti affettwaw aktar lill-klijenti. “Jien personali ma kontx miftuħ u ġietni tajba għax kien hemm ristoranti oħra li qalu li m’hemmx xogħol. Issa f’Jannar is-soltu nafu li ma jkunx hawn xogħol, iżda din id-darba kien esaġerat. Kienet kumbinazzjoni jew minħabba l-vaċċin għax il-maġġoranza huma mlaqqma? Ma stajtx nifhem imma, kien hemm daqqa kbira ‘l isfel,” spjega Gravina.

Huwa qal li issa li f’dawn il-ġranet reġa’ fetaħ ir-ristorant tiegħu, għalih personali wara x-shut down dejjem ikun hemm jumejn ftit kwieti sakemm jerġa’ jinqabad ir-ritmu. Minkejja dan, qiegħed ikun hemm ċaqlieqa.

“Jien mhux se ngħid li għalija huwa diżastru imma kien hemm min qal li għalih diżastru tant li kien hemm anke min għalaq. Inħoss li dawn il-miżuri qatt ma kellhom jiġu implimentati għax lanqas ħaqq għamilniehom għal ġimagħtejn,” temm Sean Gravina.

Ekonomija

Sport