Saturday, December 21, 2024

Nuqqas fost il-membri tal-kru tas-sett tal-film “Rust”

Assistent direttur b’każ preċedenti u persuna li tieħu ħsieb l-armi mhux ċerta li kapaċi għax-xogħol

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-inċident fatali u traġiku li seħħ fuq is-sett tal-film ġdid “Rust” bl-attur Alec Baldwin, għadu għaddej bi żviluppi hekk kif l-awtoritajiet qegħdin jinvestigaw fil-fond x’eżattament wassal biex minflok prop gun, Baldwin ingħata arma kkargata b’balal proprji. Konsegwenza ta’ dan in-nuqqas, Baldwin spara fuq u qatel lil Halyna Hutchins, li dak il-ħin kienet qiegħda tiġbed ix-xeni ta’ dan il-film western.

Il-każ, li seħħ fil-Messiku, huwa wieħed ikkomplikat hekk kif il-Pulizija qalu li għadhom ma jafux kif seta’ seħħ dan l-inċident. Il-vittma, Halyna Hutchins ta’ 42 sena, mietet meta Baldwin spara arma tan-nar il-Ħamis li għadda. Id-direttur tal-film, Joel Souza, kien wara l-vittma u safa ferut fuq spaltu.

S’issa, ħadd għadu ma ġie mixli b’konnessjoni ma’ dan l-inċident iżda l-prosekuturi ta’ Santa Fe qegħdin jistudjaw l-evidenza u qegħdin jeżaminaw ukoll jekk il-protokolli tal-industrija tal-films fejn tidħol is-sigurtà fl-użu ta’ armi tan-nar, kienux segwiti waqt din il-produzzjoni.

Rapporti fuq il-midja u l-midja soċjali qajmu dubji dwar kemm kienu segwiti l-protokolli ta’ sigurtà f’dan il-film, meqjus bħala wieħed “low budget”, jiġifieri produzzjoni li għaliha ġew allokati ftit flus.

Waħda mill-aktar mistoqsijiet komuni però hija dwar min huwa responsabbli għal dan l-inċident li sewa l-ħajja ta’ omm u professjonista maħbuba ħafna fl-industrija tal-films. Min, Baldwin? Il-membru tal-kru li tah l-arma jew dak li qallu li hija sigura? Min ikkarga l-arma? Id-direttur jew l-assistent? Jew ħadd għax kien inċident traġiku? 

Wieħed mill-persuni li waqgħet fuqu l-lenti huwa proprju l-assistent direttur tal-film “Rust”, Dave Halls u dan minħabba li rriżulta li kellu każ preċedenti simili tant li kien tkeċċa mill-film inkwistjoni.

Lura fl-2019 Halls kien tkeċċa mill-film “Freedom’s Path” wara li kien hemm nuqqas ta’ sigurtà waqt xeni ta’ sparar fuq is-sett. Fil-fatt, anke fil-produzzjoni ta’ dan il-film kien weġġa’, fortuntament ħafif, membru tal-kru wara li ntlaqgħat minn tir.

Mentri, il-persuna li kienet qiegħda tieħu ħsieb l-armi qabel inqatlet Hutchins – Hannah Gutierrez-Reed – kienet ikkwotata tgħid li f’film preċedenti, qabel ma aċċettat dan ir-rwol, ma kinitx ċerta jekk hiex “lesta għal din il-pożizzjoni”. 

Hija kienet ammettiet ukoll li kienet sabet armi kkargati u tant kienet beżgħet li talbet l-għajnuna ta’ missierha, persuna magħrufa fis-settur tal-armi – Thell Reed.

Ekonomija

Sport