Monday, May 13, 2024

“Kommessi li nassiguraw l-istabbilità fil-prezzijiet tal-enerġija” – il-PM Robert Abela

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“L-impenn tiegħi mal-Maltin u l-Għawdxin jibqa’ ċar. Bl-istess mod li ħdimna biex inżommu l-ekonomija tagħna fuq saqajha fil-pandemija permezz tal-wage supplement, l-istess se nagħmlu issa billi nassiguraw l-istabbilità tal-prezz tal-enerġija f’Malta. B’dan il-mod il-familji u n-negozji tagħna jistgħu jkomplu jħaddmu l-pjan u l-viżjoni tagħhom u jsir it-tkabbir li tant ippjanaw u ħadmu għalih.”

Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela fi stqarrija ministerjali li għamel fil-Parlament b’rabta mal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li saret bejn il-Ħamis 21 u l-Ġimgħa 22 ta’ Ottubru fi Brussell fejn it-temi prinċipali fuq l-aġenda kienu l-prezzijiet tal-enerġija, l-immigrazzjoni, il-pandemija, it-trasformazzjoni diġitali, il-kummerċ u r-relazzjonijiet esterni mal-unjoni. 

Il-Prim Ministru beda biex qal li hekk kif il-prezzijiet tal-gass, taż-żejt u l-karbonju kulma jmur qed jiżdiedu, bħala mexxejja saret diskussjoni dwar ir-riperkussjonijiet ta’ din is-sitwazzjoni fuq il-familji u n-negozji kif ukoll fuq l-ekonomija b’mod ġenerali. Dan meta bħalissa qegħdin fl-istadji delikati tal-irkurpu ekonomiku mill-impatt tal-pandemija.

Dr Abela kompla jgħid li: “spjegajt kif Malta għażlet li tinvesti f’teknoloġiji li ma jniġġżux u għalhekk saret il-qalba fil-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-Heavy Fuel Oil għal-LNG. Ma’ dan tajna wkoll inċentivi fost l-aktar ġenerużi fl-Unjoni Ewropea jekk mhux l-aktar għal min jinvesti f’enerġija rinovabbli. 

“Dan il-Gvern jemmen li l-investiment f’enerġija rinovabbli huwa ċ-ċavetta biex inkunu aktar awtonomi minn dak li jiġri fis-swieq internazzjonali u biex nilħqu l-miri ambjentali tagħna rigward it-tibdil fil-klima.

“Sħaqt biex ir-realtà tagħna tkun rikonoxxuta mill-Kunsill Ewropew. Kuntent li bħala Gvern f’dik id-diskussjoni li saret irnexxielna nikkonvinċu lill-pajjiżi l-oħra biex fil-konklużjonijiet formali tal-Kunsill ikun hemm referenza mhux darba iżda darbtejn, għall-fatti speċi partikolari u diversitajiet ta’ kulħadd meta niġu biex nappoġġjaw liċ-ċittadini u n-negozji tagħna,” tenna l-Prim Ministru.

Huwa kompla jisħaq li qatt mhu se jaċċetta li l-pressjoni internazzjonali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija titpoġġa fuq il-konsumatur. “Għalkemm qbilna ma’ dawk il-pajjiżi li qed jgħidu li s-soluzzjoni fit-tul hija l-enerġija rinovabbli, qbilna wkoll ma’ dawk li qed jinsistu li għandu jkollna flessibiltà li nagħtu protezzjoni fl-immedjat. Dan speċjalment biex ma jkunx hemm xokkijiet ekonomiċi f’mument meta qed nirkupra mill-agħar effetti tal-pandemija.” 

Huwa qal li kunsiderazzjoni oħra kienet il-fatt li jekk ma noffrux protezzjoni issa, jista’ jkun hemm impatt negattiv fl-investiment fl-enerġija rinovabbli li jwassalna biex ma nilħqux il-miri tagħna f’dan is-settur u dawk relatati miegħu aktar ‘il quddiem.

“Il-fatt li l-Kunsill qabel li tingħata l-flessibilità neċessarja lill-istati membri kien importanti anke fil-kuntest ta’ dak li qed iħabbtu wiċċhom miegħu reġjuni insulari bħal Malta inkluż l-isfida tal-inflazzjoni minħabba żieda fl-ispejjeż relatati mat-trasport li potenzjalment jista’ jkollhom impatt sinjifikanti fuq il-kompetittività,” kompla jgħid il-Prim Ministru.

Sport