Wednesday, December 25, 2024

“Oliver Friggieri stinka biex il-lingwa Maltija tikseb l-għarfien li jistħoqqilha” – L-Ispeaker Anġlu Farrugia

Aqra wkoll

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia mexxa laqgħa ta’ tifkira lill-Professur Oliver Friggieri intitolata “Il-Poter tal-Kelma, Politika u Letteratura f’Oliver Friggieri”.  Din il-laqgħa kienet organizzata flimkien mad-Dipartiment tal-Malti u d-Dipartiment tal-Politika Pubblika fl-Università ta’ Malta. 

F’kelmtejn tal-okkażjoni l-Ispeaker fakkar f’kemm il-Professur Friggieri stinka biex il-lingwa Maltija tikseb l-għarfien li jistħoqqilha b’għadd ta’ inizjattivi importanti.  Fakkar ukoll kif fis-snin sebgħin hu ssieħeb ma’ kittieba tal-Malti fit-twaqqif tal-Moviment Qawmien Letterarju, u waqqaf ukoll il-ġurnal “Is-Sagħtar” għall-istudenti fl-iskola sekondarja. Flimkien ma’ Pawlu Mizzi, huma waqqfu dar tal-pubblikazzjoni tal-kotba bil-Malti “Klabb Kotba Maltin” u fl-1980 Oliver Friggieri sar editur tal-Ġurnal tal-Istudji tal-Lingwa Maltija (Journal of Maltese Studies).

L-Ispeaker tenna li Oliver Friggieri għandu jitqies fost wieħed mill-kbar tal-poplu Malti għax iddedika ħajtu bħala studjuż, għalliem, awtur ewlieni u promotur tal-ilsien Malti u l-letteratura Maltija. Hu kien ukoll għalliem tal-filosofija, edukatur, u anke politiku. 

L-Ispeaker kompla billi qal li għalkemm il-Professur Friggieri qatt ma kien Membru tal-Parlament ta’ Malta, fil-kitbiet tiegħu huwa dejjem saħaq dwar l-importanza li l-Maltin iħabirku għall-ġid komuni u jevitaw kwistjonijiet interni bla bżonn, u għandhom jiddiskutu aktar u jkunu kritiċi aktar bil-ħsieb li l-affarijiet isiru aħjar u li minnhom igawdi kulħadd, inkluż iż-żgħar u dawk li għal xi raġuni jkunu waqgħu lura.

Matul din il-laqgħa fil-Parlment taw is-sehem tagħhom għadd ta’ studjużi u għalliema, kollegi u ħbieb tiegħu fl-Università ta’ Malta.

Ekonomija

Sport