Crystal Palace ħatru lill-eks coach ta’ Eintracht Frankfurt, Oliver Glasner, bħala l-manager il-ġdid tagħhom wara li kkonfermaw li Roy Hodgson irriżenja mill-kariga wara sensiela ta’ riżultati negattivi.
L-eks coach tal-Ingilterra Hodgson, li kien qiegħed taħt pressjoni kbira, iddaħħal l-isptar wara li ħassu ma jiflaħx waqt sessjoni ta’ taħriġ il-ġimgħa li għaddiet.
Hodgson, li għandu 76 sena, qal fi stqarrija tal-club li kien qed iwarrab biex jippermetti lill-club “iressaq il-pjani tiegħu għal manager ġdid”.
Ftit wara, Palace ħabbru li ħatru lil Glasner bħala s-sostitut ta’ Hodgson, bl-Awstrijak jiffirma ftehim sa tmiem l-istaġun 2025/26.
“Ninsab kuntent ħafna li se naħdem ma’ Crystal Palace bħala manager,” qal l-Awstrijak ta’ 49 sena, li mexxa lil Eintracht Frankfurt għall-glorja tal-Europa League fl-2022 u mexxa wkoll lil LASK u Wolfsburg.