Bħal-lum sena, terremot qawwi laqat in-naħa t’isfel tat-Turkija, u ħalla aktar minn 55,000 persuna mejta. Wara dan l-inċident, ħareġ b’mod mill-aktar ċar kif għexieren ta’ ħajjiet setgħu ġew salvati li kieku ġew osservati r-regolamenti tal-bini.
Omm għamlitha bħala l-missjoni tagħha biex issir taf x’wassal biex jaqa’ l-bini fejn kienu qed jgħixu l-qraba tagħha. Qabel seħħ it-terremot, Nurgül Göksu, kienet sempliċiment mara tad-dar u anke tħobb issajjar.
Hija kienet tgħix fil-periferija ta’ Istanbul. Binha ta’ 31 sena, Ahmet Can Zabun, li huwa miżżewweġ u għandu tarbija, u jgħix fil-belt ta’ Kahramanmaras. Ahmet Can iżda ma kienx l-uniku wild ta’ Nurgul, billi kellha relazzjoni speċjali wkoll ma’ binha l-kbir l-ieħor.
Meta t-terremot laqa Kahranmaras, waqgħu minn tal-inqas 7,000 binja fil-belt, inkluż dik ta’ Ahmet Can. Nurgül marret lejn il-belt biex tfittex lil binha, lil martu u lit-tifla tagħhom – jew, kif tgħid hi, lit-“tliet uliedha”.
Filwaqt li ħafna bini f’Kahramanmaras inqered mit-terremot, iż-żona fejn kien jgħix iben Nurgül ma dehritx li ġiet affettwata daqshekk ħażin. Ħafna mill-viċinat bilkemm saritilhom ħsara. Iżda l-blokka residenzjali tiegħu, għolja 10 sulari u magħruf bħala l-Ezgi Building, kienet waħda mill-ftit li spiċċaw inqerdu f’dan l-inċident.
Nurgül qagħdet tistenna waqt li l-ħaddiema tas-salvataġġ bdew ifittxu qalb it-tifrik ta’ din il-binja. Tmint ijiem wara, instabu l-katavri ta’ Ahmed Can, martu Nesibe u t-tarbija tagħhom Asude. It-tarbija, li kien jisimha Asude, kellha biss sitt xhur.
Wara t-telfa tal-familja tagħha, Nurgül iddeċidiet li tfittex x’wassal biex il-binja li kien jgħix fiha binha waqgħet filwaqt li tal-oħrajn le. Hija iżda kellha bżonn evidenza u għarfien espert.
Kien għalhekk li tkellmet ma’ iniġinera lokali u esperti fil-kostruzzjoni. Tgħallmet kif issib ritratti ta’ qabel u wara online u bdiet tifhem aħjar ir-regolamenti tal-bini u x’proċessi kienu meħtieġa biex ikun approvat kwalunkwe tibdil.
Mal-midja internazzjonali, hija qalet li ppruvat ssib kemm tista’ evidenza fejn tilfet lil binha. Qalet li din ma kellhiex tkun ir-responsabbiltà tagħha, imma jidher li kieku ma għamlitx hekk, ma kienet se ssib xejn.
Nurgül sabet li f’ħafna żoni milquta mit-terremot l-investigazzjonijiet, li nfetħu wara talbiet ta’ ksur tar-regolamenti tal-bini, kienu qed jingħalqu minħabba evidenza insuffiċjenti. Madankollu, riedet tiżgura li l-partijiet kollha responsabbli għall-kollass tal-bini jitressqu quddiem il-ġustizzja – u kien għalhekk li ffukat fuq il-ġbir ta’ provi ta’ kif sar ir-restawr u l-alterazzjonijiet fil-bini.
Ir-rapport li kien tlesta f’Lulju tas-sena li għaddiet, sab li ħafna alterazzjonijiet fil-bini kienu saru bi ksur tar-regolamenti eżistenti u kienu illegali.
Waqt li kienet qed taħdem fuq il-każ tagħha stess, Nurgül kienet qed tgħin ukoll lill-oħrajn, taqsam l-għarfien tagħha dwar ir-regolamenti tal-bini u l-inġinerija ċivilli. Qalet li tinsab determinata li ssib lil dawk responsabbli għall-kollass biex tiżgura li ħadd ma jitħajjar jevita jew jikser ir-regolamenti tal-bini fil-futur. “Forsi għall-fini tal-binja Ezgi, affarijiet bħal dawn mhux se jiġru fil-futur. Qed niġġieled biex nagħti eżempju.”