Friday, December 13, 2024

Omm il-vittma ta’ 19-il sena li kien fit-Titan tistqarr li suppost kellha tkun hija abbord

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Omm iż-żagħżugħ li tilef ħajtu fit-traġedja tas-sottomarin “Titan” il-ġimgħa l-oħra flimkien mal-biljunarju missieru, stqarret li oriġinarjament kellha tmur hija għal dan il-vjaġġ iżda tat postha lil binha għax skont hija, dan “verament ried imur”.

Din id-dikjarazzjoni hija kontradittorja għall-aħħar ma’ dak li ġie rrapportat preċedentement fil-midja fejn ingħad li binha – Suleman Dawood – kien imbeżża’ ħafna li jmur għall-avventura biex jara t-Titanic u li fil-verità, huwa kien mar biex sempliċiment jikkuntenta lill-missieru f’Jum il-Missier.

Christine Dawood qalet li hija u żewġha Shahzada Dawood inizjalment ibbukjaw dan il-vjaġġ extravaganti lejn il-fdalijiet tat-Titanic għalihom bħala koppja iżda kellhom jikkanċellawh minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Christine qalet li meta l-familja tagħha rriservaw il-postijiet tagħhom fis-sottomarin tal-OceanGate Expeditions, hija ddeċidiet li tħalli lil binha Suleman ta’ 19-il sena jmur minflokha.

Il-familja marru fuq l-opra tal-baħar “Polar Prince” li ġġorr lis-sottomarin Titan, proprju f’Jum il-Missier bit-tama li jkollhom l-isbaħ esperjenza ta’ ħajjithom. Is-Sinjura Dawood u bintha Alina ta’ 17-il sena kienu għadhom abbord meta fit-18 ta’ Ġunju sar magħruf li ntilef kull kuntatt mat-Titan.

Christine u t-tifla baqgħu jittamaw u jistennew li l-għeżież tagħhom jinstabu iżda wara 96 siegħa, minħabba li l-arja fis-sottomarin kienet spiċċat, irrassenjaw ruħhom li Shahzada u Suleman ma kienux se jirritornaw. It-tama li jinstabu ħajjin sfumat għal kollox meta l-Gwardji tal-Kosta Amerikani l-Ħamis li għadda nfurmaw li sabu tifrik mit-Titan wara li seħħet l-implużjoni.

Ekonomija

Sport