Thursday, December 26, 2024

Opportunità ta’ tkabbir ekonomiku, protezzjoni soċjali u ħarsien ambjentali

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub Minn Melvin Farrugia

L-ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli temmen li din il-pandemija tista’ tkun l-opportunità tagħna biex nindirizzaw dawk l-affarijiet li ma kinux qegħdin jagħtu riżultat sostenibbli. Min-naħa l-oħra tistqarr li din tista’ twassal biex nerġgħu lura għal użanzi mhux sostenibbli u kollox jiddependi mir-rieda politika ta’ fejn irridu li pajjiżna jmur. 

F’intervista ma’ Inewsmalta, Dalli tispjega li quddiemna għandna l-opportunità li ninvestu fi tkabbir ekonomiku, protezzjoni soċjali u ħarsien ambjentali. Tgħid li dawn it-tliet oqsma huma importanti bl-istess mod, filwaqt li ssostni li l-affarijiet m’għandhomx imorru lura għal kif kienu. Tkompli tinsisti li għandna opportunità tad-deheb quddiemna, mhux biss għall-mudell ekonomiku tradizzjonali, iżda wkoll għall-mod ta’ kif naġixxu u ninteraġixxu.

L-ewroparlamentari tgħid li f’Malta jista’ jkollna ekonomija li tiżviluppa b’mod sostenibbli, li ssostni soċjetà ġusta u ugwali. Tammetti li x’aktarx m’aħniex se mmorru lura “għan-normal” kif nafuh, iżda “normal ġdid” b’użanzi ġodda u miżuri li rridu nimxu magħhom jekk irridu ngħixu ħajja li toħloq bilanċ bejn il-protezzjoni tas-saħħa, il-protezzjoni ambjentali u l-għajxien tagħna.

Dalli tgħid li ladarba ma nafux meta se jkun hemm vaċċin kontra l-COVID-19, dan ifisser li rridu nkunu kawti fl-azzjonijiet tagħna. Madankollu, hi tispjegaw li mbilli nidraw b’affarijiet ġodda, dan ma għandux ifisser li naqgħu lura minn pjani li kellna – bħal ngħidu aħna li nnaqqsu t-tniġġis jew l-użu tas-single use plastic.

“Żball jekk il-Green Deal nagħtuh il-ġenb”

Semmiet kif qabel il-pandemija u anke matulha, fil-Parlament Ewropew xorta baqgħu jitkellmu dwar il-Green Deal. Dalli temmen li jkun żball jekk dan il-pjan nagħtuh il-ġenb, hekk kif tgħid li min jaħseb li l-ekonomija tista’ tirpilja b’dannu tal-ambjent, allura ma jkunx qed iħares fit-tul. Min-naħa l-oħra, tispjega kif il-European Green Deal għandu jgħin lill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, inkluż Malta, biex sal-2050 ikollna ekonomija li ma tniġġisx. Tgħid li dan hu pjan biex inħarsu l-ambjent, nassiguraw id-drittijiet tal-ħaddiema, noħolqu x-xogħol u nkabbru l-ekonomiji tagħna. Għalhekk tħoss li aktar minn qatt qabel, din it-tranżizzjoni m’għandhiex tiġi mfixkla.

Filwaqt li tistqarr li l-COVID-19 hi sfida, min-naħa l-oħra ssostni li fuq ix-xefaq għandna sfida oħra kbira li ma nistgħux nitfgħuha fil-ġenb, jiġifieri dik tat-tibdil fil-klima. Tgħid li jekk nibdew nindirizzaw it-tibdil fil-klima minn issa, nistgħu nevitaw li jkollna niffaċċjaw sfida oħra kbira f’qasir żmien.

Nagħtu prijorità lis-saħħa tan-nies 

L-ewroparlamentari tispjega li f’kull ħaġa li nagħmlu rridu naraw li s-saħħa tan-nies tingħata prijorità. Tgħid li dan hu fundamentali u l-ebda pajjiż, inkluż Malta, ma jista’ jimxi ‘l quddiem jekk saħħet in-nies ma tkunx protetta. Issemmi kif bħalissa hu ġust li ħafna qed jistaqsu kif jista’ jintlaħaq il-bilanċ bejn il-protezzjoni tas-saħħa tan-nies, u li nerġgħu nibdew ndawru r-rota ekonomika.

Tispjega li din il-pandemija wrietna kif eżempju t-teleworking, jaħdem u minkejja l-ħafna xettiċiżmu ta’ ċerti employers, ir-realtà wriet li numru sostanzjali ta’ ħaddiema setgħu jagħmlu xogħolhom mid-dar. Tisħaq li dak li jħoll u jorbot hu l-fiduċja ta’ min iħaddem fil-ħaddiema tiegħu. Għalhekk temmen li t-teleworking għandu jibqa’, filwaqt li tgħid li tkellmet ma’ kumpaniji li għalihom it-telework fisser inqas spejjeż, inqas spazji ta’ uffiċini u inqas spejjeż oħra relatati. Min-naħa l-oħra, tispjega kif it-teleworking jista’ jwassal biex ikollna inqas karozzi fit-toroq, inqas tniġġis u produttività ferm akbar.

Dalli tirrikonoxxi li għalkemm it-teleworking hu ideali għal numru ta’ xogħlijiet, minn banda oħra hu fatt li ma japplikax għal kull tip ta’ xogħol. Fl-istess waqt, hi temmen li biex ikun suċċess hemm bżonn ta’ investiment akbar fid-diġitilizazzjoni u fit-teknoloġija.

F’dan ir-rigward, Miriam Dalli tgħid li rridu nkunu aktar effiċjenti, aktar aċċessibbli u aktar kompetittivi. Tisħaq dwar aktar bżonn ta’ investiment fir-riċerka u l-iżvilupp u dan f’kull qasam, kemm jekk mediku, edukattiv, xjenza, biedja u sajd, manifattura, ambjent u ħafna oqsma oħra.

Intant, Dalli tgħid li se jkun hemm bżonn ta’ sostenn qawwi fil-qasam turistiku; mhux biss il-linji tal-ajru, il-lukandiera u r-ristoranti, iżda anke l-operaturi u s-servizzi anċillari. Fl-istess ħin, hi tgħid li jridu jkunu aċċertati d-drittijiet tal-konsumaturi, mhux bil-paroli imma bil-fatti. Għalhekk issemmi kif bħala Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi qegħdin jipproponu fond Ewropew biex ikun ta’ sostenn għal dan il-qasam, inkluż għotjiet ta’ flus diretti. Tisħaq li hu fl-interess tal-Unjoni Ewropea li dan is-settur strateġiku jiġi protett, għax jirrappreżenta 10% tal-PDG Ewropew.

Il-ħidma fuq livell Ewropew

Mistoqsija dwar il-ħidma li qiegħda ssir minnhom biex jassistu fuq livell Ewropew waqt din il-kriżi, Dalli qalet li bħala delegazzjoni tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew, qegħdin ikunu f’kuntatt mal-Gvern biex jaraw li l-miżuri li jiġu proposti fuq livell Ewropew ikunu jirriflettu l-ħtiġijiet ta’ pajjiżna. Spjegat li qegħdin jagħmlu diversi laqgħat ma’ stakeholders differenti, fosthom dawk fin-negozju. Madankollu, hi tgħid li ċ-ċavetta tinsab fl-ekonomija diġitali u fil-pjan ta’ ħidma għall-European Green Deal.

Tispjega kif bħala Viċi-President tas-Soċjal Demokratiċi responsabbli minn dan il-portafoll, taf kemm hemm opportunità biex niżviluppaw soċjetà mibnija fuq it-tliet pilastri tat-tkabbir ekonomiku, soċjetà ġusta u l-protezzjoni tal-ambjent. Tispjega li għal pajjiżna dan jista’ jissarraf f’investimenti li jgħinuna nsaħħu l-infrastruttura tagħna, imma fl-istess ħin ikun investiment li verament iħares l-ambjent, sew fiżiku u anke dak astratt. Fl-istess ħin tgħid li l-ħolqien ta’ xogħol ta’ kwalità u t-tisħiħ ekonomiku jibqgħu prijoritajiet mill-aktar importanti.

Rigward il-kuntest tal-COVID-19, Dalli tgħid li din hi sitwazzjoni li qed ngħixu għall-ewwel darba fl-istorja riċenti u jidher bl-aktar mod ċar li dan se jkun żmien ta’ deċiżjonijiet li verament jiddefinixxu x’viżjoni għandna. Għalhekk tgħid li kull tip ta’ pjan għal ekonomija aktar b’saħħitha jrid isir fi djalogu ma’ stakeholders ewlenin, fosthom l-unjins tal-ħaddiema u għaqdiet ta’ min iħaddem, bil-ħsieb ewlieni jkun li jrid ikollna protezzjoni soċjali b’saħħitha u li d-deċiżjonijiet li nieħdu jkunu wkoll fl-interess tal-ġenerazzjonijiet futuri tagħna.

L-isfidi għat-turiżmu u l-Air Malta

Rigward it-turiżmu u l-Air Malta, Miriam Dalli qaltilna li fuq livell Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet b’linji gwida għal-linji tal-ajru, filwaqt li rrilassat ir-regoli tal-Istate Aid. Spjegat li flimkien mal-grupp politiku tagħha hi ħadmet fuq proposta favur Fond Ewropew biex tingħata għajnuna finanzjarja lil-linji tal-ajru u lil operaturi turistiċi oħra. Qalet li dwar dawn il-proposti qegħdin isiru diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea ħalli t-turiżmu jingħata s-sostenn li għandu bżonn.

Jekk inħarsu lejn is-settur tat-trasport b’mod in ġenerali, Dalli tgħid li l-linji tal-ajru bħall-Air Malta joperaw ukoll titjiriet ta’ ġarr ta’ merkanzija. Spjegat li fil-bidu tal-kriżi l-Unjoni Ewropea ssospendiet ir-regoli dwar l-islots tal-ajruporti, biex b’hekk ma jkunx hemm l-obbligu li ssir titjira minn airport għall-ieħor ħalli l-linji tal-ajru jżommu l-islots tagħhom.

Barra minn hekk, qalet li rridu naraw li l-ħaddiema jingħataw it-tagħmir neċessarju biex jipproteġu ruħhom kif ukoll taħriġ addizzjonali ladarba jibdew joperaw bil-passiġġieri. Għalhekk qalet li ħadmu wkoll fuq protokolli differenti li temmen li jistgħu jgħinu f’dawn iċ-ċirkostanzi.

Miriam Dalli tgħid li wieħed mill-akbar tħassib f’dan kollu kien dwar il-biljetti diġà mibjugħin u dwar kif intlaqtu l-konsumaturi. Tispjega li l-klijenti għandhom dritt għal rifużjoni, għalkemm temmen li jekk il-linji tal-ajru se joffru vouchers, dawn iridu joffru vouchers li jagħmlu sens għall-konsumatur u li jkunu attraenti. Tistqarr li f’dawn il-ġimgħat kellha ħafna nies li avviċinawha bid-diffikultajiet li bdew jiltaqgħu magħhom minħabba linji tal-ajru barranin għaliex qegħdin jagħmluha diffiċli lill-konsumaturi tagħhom biex jieħdu rifużjoni. Barra minn hekk, semmiet kif bħala S&D, qegħdin jipproponu li jkun hemm garanzija għall-konsumaturi meta japplikaw għall-vouchers. Dwar dan qalet li qiegħda wkoll f’taħdidiet mal-Kummissjoni Ewropea u qiegħda tistenna risposta aktar ċara min-naħa tagħhom.

L-ajruport u l-kuriduri siguri

Mistoqsija dwar l-ajruport u jekk hux il-mument opportun li dan jinfetaħ, Dalli qalet li deċiżjoni dwar il-ftuħ tal-ajruport hi deċiżjoni li trid tittieħed mill-Gvern Malti fl-interess nazzjonali. Saħqet li l-koperazzjoni bejn il-linji tal-ajru u l-ajruporti hi importanti biex tkun assigurata s-saħħa tal-passiġġiera u s-sigurtà tal-ħaddiema.

Min-naħa l-oħra, semmiet li l-Kummissjoni Ewropea tkellmet dwar dawk li qegħdin jissejjħu kuriduri siguri. Dalli temmen li deċiżjoni bħal din trid tittieħed mill-pajjiżi individwali. Saħqet fuq l-importanza li jkun hemm linji gwida ċari u applikabbli għal kulħadd, biex jiġi assigurat l-aqwa livell ta’ protezzjoni għaċ-ċittadini Maltin, Għawdxin u Ewropej, huma min huma u ġejjin minn liema stat Ewropew ġejjin.

Dalli qalet li hemm ħafna xogħol xi jrid isir biex terġa’ tinbena l-fiduċja fl-ivvjaġġar u għalhekk qalet li hu importanti li jkun hemm qbil bejn l-awtoritajiet nazzjonali, l-istituzzjonijiet Ewropej, l-istakeholders fil-qasam, flimkien mal-Organizazzjoni Dinjija tat-Turiżmu.

L-atmosfera Ewropea waqt il-kriżi

Tkellimna wkoll mal-ewroparlamentari Laburista dwar l-atmosfera li hemm fuq livell Ewropew. Miriam Dalli tħoss li hemm sens ta’ urġenza biex l-affarijiet jerġgħu jibdew jiffunzjonaw, iżda anke sens ta’ kawtela biex il-virus ma jinfirix aktar milli diġà nfirex. Tgħid li dak li hemm bżonn li jinbidel hu li jkun hemm solidarjetà bil-fatti u mhux sempliċiment bil-kliem. Tisħaq li jrid ikun hemm solidarjetà fejn tidħol l-għajnuna lill-pajjiżi, fil-qasam tas-saħħa u anke fl-immigrazzjoni. Spjegat kif il-ħidma tagħha fl-aħħar ġimgħat kienet ħafna mill-ħin iffukata dwar il-bżonn ta’ għajnuna reali u konkreta fil-qasam tal-immigrazzjoni. Sfortunatament tgħid li l-affarijiet qegħdin jiċċaqalqu bil-mod wisq, meta jiċċaqalqu.

Ħidma fuq livell mediku

Rigward l-investiment fil-qasam tas-saħħa, Miriam Dalli spjegat kif fil-ħidma li qiegħda tagħmel fil-grupp politiku tagħha hi pproponejt xiri konġunt ta’ prodotti mediċinali u tagħmir mediku, inkluż għall-vaċċin meta dan ikun disponsibbli. Saħqet li s-Soċjal Demokratiċi qablu ma’ din il-proposta u qegħdin jinkluduha fid-diskussjonijiet tagħhom mal-Kummissjoni Ewropea u anke fil-Parlament Ewropew. Fakkret kif nhar l-Erbgħa stess tkellmet mal-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa, Stella Kyriakides dwar it-triq ‘il quddiem u kif nistgħu naċċertaw ruħna li l-pajjiżi ż-żgħar bħal Malta ma jkunux żvantaġġati.

Dalli tgħid li għaliha hu importanti li ma jkunx hemm xi forma ta’ kompetizzjoni li titfa’ lil pajjiżi bħal Malta fi żvantaġġ meta niġu biex naċċessaw prodotti mediċi essenzjali, jew inkella xi kumpanija li ċċaħħad lil pajjiż bħal tagħna mill-bejgħ tagħha jew tagħti preferenza lil xi pajjiż jew ieħor.

Tgħid ukoll li rridu mmorru lil hin minn hekk u naħsbu ukoll fi pjani ta’ kontinġenza għal meta tinqala’ emerġenza medika. Tammetti li l-Unjoni Ewropea ma kinitx ippreparata għal din il-pandemija u r-rispons kien wieħed dgħajjef fil-bidu. Madankollu, tgħid li issa li għandna l-esperjenza warajna ejja naħsbu għall-futur ħalli naraw Unjoni aktar b’saħħitha li kapaċi taqsam ir-riżorsi tagħha; fejn jiġi ffaċilitat il-qsim ta’ informazzjoni bejn l-esperti tas-saħħa u fejn il-pajjiżi jitgħallmu mill-esperjenza.

Fondi ta’ għajnuna mill-Unjoni Ewropea

Finalment, tkellimna wkoll mal-ewroparlamentari Laburista dwar il-fondi ta’ għajnuna li mistennija jingħataw mill-Unjoni Ewropea biex nirkupraw minn din il-pandemija. 

Dalli spjegat kif il-Parlament Ewropew adotta pożizzjoni komuni, li kienet maqbula bejn il-gruppi politiċi. Spjegat li l-Grupp tas-Soċjal Demokratiċi kienu fuq quddiem ta’ dawn in-negozjati u ħadmu għal pjan ta’ rkupru b’saħħtu.

Min-naħa l-oħra, hi qalet li l-Kunsill Ewropew għadu qed jinnegozja l-baġit tal-Unjoni Ewropea għas-seba’ snin li ġejjin, fejn temmen li kull tip ta’ pjan ta’ rkupru jirrikjedi fondi addizzjonali ma’ dan il-baġit.

Dalli qalet li hemm bżonn pjan ambizzjuż li verament jista’ jgħin lill-pajjiżi jqumu fuq saqajhom. Saħqet li ma jistgħux jiġu ripetuti l-istess żbalji li saru fl-2008, meta r-rispons għall-kriżi finanzjarja kien wieħed maqtugħ mill-ħtiġijiet soċjali taċ-ċittadini, b’miżuri ta’ awsterità li weġġgħu lil ħafna nies. Din id-darba qalet li rridu nħarsu lejn investimenti strateġiċi li jappoġġjaw l-SMEs, iżidu l-opportunitajiet ta’ xogħol, jagħtu t-taħriġ lill-ħaddiema, u li jipproteġu lill-konsumaturi u lill-familji.

Ekonomija

Sport