Friday, November 15, 2024

OPPOŻIZZJONI LI MA TAFX LI HI FL-OPPOŻIZZJONI

Aqra wkoll

L-għoli tal-ħajja u l-mod artifiċjali kif ħafna drabi qed jogħlew il-prezzijiet hija ta’ tħassib għal kulħadd. Bla dubju, din is-sitwazzjoni hija ta’ tħassib u ta’ inkwiet l-iktar għal dawk partikularment fil-faxex tas-soċjetà li jifilħu l-inqas. 

Kulħadd jaf x’inhi l-kawża ewlenija għall-għoli tal-prezzijiet iżda hawn min li llum qed jinqeda bis-sitwazzjoni kif inhi u qed jgħolli kif jidhirlu hu u bla ebda ġustifikazzjoni l-prezzijiet ta’ ħafna affarijiet bażiċi.

Imma f’sitwazzjoni bħalma hi din tal-għoli tal-prezzijiet, hija iktar inkwetanti li hawn min qed idawwarha f’ballun politiku. Hekk qed tagħmel l-oppożizzjoni Nazzjonalista u ta’ dan għandna l-konvinzjoni illi l-oppożizzjoni qed tagħmel hekk biex tbeżża’ u tiżra d-dubju fl-imħuħ tan-nies. 

Jidher li l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi kellu kull raġun meta qal li l-Partit Nazzjonalista għadu ma fehemx x’inhi li tkun fl-oppożizzjoni. U kemm dak li qal Dr Gonzi huwa minnu huwa rifless fi stqarrija li ħareġ il-Partit Nazzjonalista permezz tal-kelliem ewlieni tiegħu għal-livell ta’ għajxien aħjar b’impenn kontra l-għoli tal-ħajja l-Onor. Albert Buttigieg.

F’din l-istess stqarrija, jintqal li l-ħajja f’Malta qed togħla b’rata aktar mgħaġġla mill-kumplament tal-Ewropa. Asserzjoni fallaċi. Tant fallaċi, biex ma ngħidux b’ingann, li qalulna wkoll li r-rata li biha qed togħla l-ħajja kompliet tiżdied b’7.3%. Jiġifieri skont il-PN, l-inflazzjoni f’Malta illum hija 14.6%. Forsi ma ndunawx li ċ-ċifri li wżaw huma stess juruli l-ħajja għoliet għal 7.3%. Naqsu wkoll milli jgħidu lill-poplu Malti li l-għoli tal-ħajja f’pajjiżna hija r-raba’ l-inqas waħda fl-Unjoni Ewropea kollha.

Minbarra dan, imisshom jafu wkoll li r-regoli tas-suq ħieles ma jippermettux interventi li jikkontrollaw il-prezzijiet, inkella dan ma jkun suq ħieles xejn. Allura, minħabba f’hekk ftit li xejn jista l-gvern jagħmel ħlief li jgħin b’sussidji lil min jistħoqqlu l-iktar. U żgur li l-gvern preżenti qed jerfa’ din ir-responsabbiltà. Ħadd ma jista’ jinnega dan lanqas il-PN.

L-inqas ħaġa li jista’ jagħmel il-PN u l-kelliema ewlenin tiegħu hi li almenu jgħidu kif huma kienu jsolvu l-problema tal-għoli tal-ħajja li kieku kellhom ikunu huma fil-gvern. Żgur liu mhux bl-idea li la jogħlew minn barra l-prezzijiet ikollhom jogħlew ukoll f’pajjiżna. Mur obsor.

Dan ma jistgħux jagħmluh għaliex soluzzjoni m’għandhomx ħlief ir-retorika fjakka li l-uniċi persuni li mhux qed iħossu ż-żidiet fil-prezzijiet huma dawk tal-qalba li skont huma qed jitħanżru u jiffrangaw.

Imma nifhmu għaliex u ma ntuhomx tort li jgħidu hekk u jirrepetuh għal kemm il-darba. B’xi ħaġa jridu joħorġu bit-tama li jimpressjonaw xi ftit.

Il-poplu iżda ma jserraħx fuq ir-retorika imma jrid jisma u jara soluzzjonijiet li jagħtuh serħan il-moħħ, serħan il-moħħ li qed jagħtihulu l-gvern preżenti.

Ekonomija

Sport