Sunday, April 28, 2024

“Għandna pjanijiet biex naraw kif se ntejbu s-sitwazzjoni tal-istudenti Għawdxin li jistudjaw f’Malta”

Ivan Pierre Vella - Direttur tal-iskeda tat-trasport pubbliku f’Malta

Aqra wkoll

Il-GUG jew aħjar Gozo University Group għadhom kemm wettqu stħarriġ mal-istudenti Għawdxin li qed jistudjaw f’Malta. Dawn tal-aħħar jivjaġġaw b’mod kontinwu jew aħjar jaqsmu  l-fliegu sabiex ikunu jistgħu jattendu għal-lezzjonijiet tagħhom f’istituzzjonijiet post-sekondarji u anke fl-Università. L-istħarriġ sar b’mod elettroniku u fih ipparteċipaw 235 student li jattendu fil-Junior College, Higher Secondary, MCAST u anke l-Universita’ ta’ Malta.  

Kien hemm disa’ domandi speċifiċi li ġew mistoqsija speċjalment dwar il-ħinijiet u l-ġranet li jivjaġġaw, fi xħin jibdew u jispiċċaw il-lezzjonijiet tagħhom, liema mezz ta’ trasport fuq il-baħar jippreferu u anke dwar is-sitwazzjoni tat-trasport pubbliku.  

Hawnhekk kien hemm diversi domandi interessanti rigward ir-rotot tal-karozzi tal-linja li jservu lill-istudenti sabiex jaslu fl-iskola partikolari tagħhom. Fost dawn hemm ir-rotta numru 150 li mill-Belt Valletta tmur fl-MCAST ta’ Raħal Ġdid, dik numru x300 li miċ-Ċirkewwa tmur il-Belt għalkemm tgħaddi minn Tal-Qroqq u l-waqfa bl-isem ta’ Kulleġġ fl-Imsida, X1A li normalment ikollha rotta lejn l-Università u l-MCAST ta’ Raħal Ġdid. L-opinjoni ġenerali minn dawn l-istudenti hi dik li jkun hemm titjib fis-servizz li joffru dawn ir-rotot speċjalment li jkun hemm aktar karozzi tal-linja spissi. 

Il-GUG hi tal-fehma li bħala għaqda studenteska Għawdxija jixtiequ jippromwovu aktar l-użu tat-trasport pubbliku għalkemm wieħed irid jirrimarka li jrid ikun iktar frekwenti. Bħala GUG il-fehma hi li l-istudenti Għawdxin għandhom biċċa xogħol biex jivjaġġaw kuljum u eventwalment jaqsmu l-fliegu u għalhekk l-għajnuna li jkollhom sabiex isibu trasport effiċjenti, jagħmel xogħolhom aktar faċli. Sadanittant, Talk.mt ħa xi kummenti mingħand Ivan Pierre Vella li hu d-Direttur tal-iskeda tat-trasport pubbliku f’Malta. X’jidhirlu minn dan is-sondaġġ li sar mill-GUG? 

“Biex ngħidlek is-sew, analizzajna sew dan l-istħarriġ u se nkunu qed niltaqgħu ma’ din l-għaqda ta’ studenti Għawdxin sabiex niddiskutuh fil-fond. “L-Awtorità ħadet nota ta’ dan ir-riżultat u se nkunu qed nanalizzaw u nħejju t-triq ‘il quddiem. Għandna pjanijiet sabiex naraw kif se ntejbu s-sitwazzjoni ta’ dawn l-istudenti Għawdxin.” 

Ivan Pierre Vella qal li meta ġie introdott is-servizz tal-fast ferry bejn iċ-Ċirkewwa u l-Belt Valletta, ġie milqugħ tajjeb ħafna għax hu sa ċertu punt trasport dirett li imbagħad jieħdok f’diversi lokalitajiet. Kien għalhekk li rotta tal-karozza tal-linja numru X300 ma baqgħetx tkun daqshekk mimlija. 

Madankollu Vella hu konxju wkoll li meta l-Gozo Fast Ferry ma jkunx jista’ jaħdem minħabba l-maltemp, l-istudenti jkollhom jaqbdu l-vapur għaċ-Ċirkewwa u hemmhekk bħala direttorat tal-iskeda tat-trasport pubbliku pront javża lill-ħaddiema fi ħdan it-trasport pubbliku sabiex iżidu l-frekwenza ta’ din ir-rotta għax bla dubju li jkunu qed jistennew iktar studenti partikolarment filgħodu kmieni. Jidher li din ir-rotta taqdi sew il-bżonnijiet tal-istudenti għalkemm xorta waħda dejjem ikun hemm bżonn isiru xi rtokki fuq ħinijiet u frekwenza sabiex jaqdu l-ħtiġijiet ta’ dawn l-istudenti Għawdxin.  

Iżda x’jidhirlu Ivan Pierre Vella bħala direttur tal-iskeda tat-trasport pubbliku dwar ir-rimarki li għadda dan is-sondaġġ li sar mill-GUG? 

“Hemm rimarki interessanti ħafna li tismagħhom minn fomm l-istudenti stess li wara kollox huma dawk li jużaw it-trasport pubbliku kuljum. Inħoss li l-Gozo Channel u t-trasport pubbliku jridu jkomplu jkunu ħolqa u katina waħda u magħhom inżidu wkoll is-servizz tal-Fast Ferry. Hekk inkunu qed ngħaqqdu l-vjaġġi tat-trasport fuq l-art u l-baħar u fuq kollox il-pubbliku mhux biss studenti jkunu aktar moqdija.” 

Finalment Ivan Pierre Vella xtaq jirringrazzja lil GUG tar-rispons li tathom f’dan l-istħarriġ riċenti li sar u qal li se jkun qed jagħmel minn kollox sabiex jiffaċilitaw il-ħajja tal-istudenti Għawdxin.  

Sport