Sunday, December 22, 2024

“Oppożizzjoni populista li hi garanzija ta’ pensjonijiet iffriżati u inġustizzji soċjali”- Il-PL

Aqra wkoll

Għal darb’oħra qed naraw Oppożizzjoni populista li f’dagħdigħa ta’ propoganda rħisa, qed tipprova tbeżża’ dwar il-pensjonijiet. Iżda, il-poplu jaf li dan il-Partit fil-Gvern huwa mhux biss garanzija ta’ pensjonijiet sostenibbli, iżda aqwa minn hekk, hekk kif wara snin bil-pensjonijiet friżati, il-pajjiż qed jara żidiet sostanzjali fil-pensjonijiet ta’ kull sena.

Dan qalitu l-Partit Laburista, fi stqarrija, fejn irrimarka li l-Gvern daħħal inċentivi fiskali qawwija għal tfaddil ta’ pensjonijiet privati li jħeġġu biex wieħed jaħtaf dawk l-inċentivi, inċentivi li qed ikunu użati mill-Partit Nazzjonalista biex jibnu kampanja qarrieqa għax jafu li dwar il-pensonijiet m’għandhomx kredibbiltà.

Intqal li fil-fatt, l-uniku garanzija li jista’ joffri l-Partit Nazzjonalista fil-qasam tal-pensjonijiet, huwa ta’ pensjonijiet iffriżati u ta’ ingustizzji soċjali. Dan fl-istess ħin li kien jgħabbi lill-pensjonanti b’piżijiet qawwija fosthom kontijiet rekord tad-dawl u l-ilma, fost oħrajn.  B’kuntrast, Gvern Laburista żied il-pensjonijiet b’madwar €3,350 fis-sena. Tant li l-ammont allokat għall-pensjonijiet illum huwa kważi d-doppju ta’ dak li kien qabel l-2013.

Legat ieħor tal-Partit Nazzjonalista fil-qasam tal-pensjonijiet kienet l-inġustizzja soċjali li daħħal meta kien qasam il-ħaddiema bejn dawk li twieldu qabel u wara l-1962. B’din il-qasma, il-Partit Nazzjonalista spiċċa ħoloq żewġ klassijiet ta’ pensjonanti, bil-pensjonanti preżenti kollha mċaħħda minn titjib fil-pensjoni. Kellu jkun Gvern Laburista li beda jelimina din id-diskriminazzjoni.

Il-PL qal ukoll li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern kien kapaċi biss jimponi piżijiet fuq il-ħaddiema, liema piżijiet fissru li dawn ma setgħux ifaddlu f’pensjoni privata. Minflok Gvern Laburista qed jagħti sa €1,500 f’tax refund għal kull koppja li qed ifaddlu f’pensjoni privata.

Temm jgħid li minflok jinfexx f’propoganda rħisa, il-Partit Nazzjonalista għandu jitlob apoloġija għal snin ta’ inġustizzji u awsterità li mpona fuq il-pensjonanti.

Ekonomija

Sport