Is-sewwieq Awstraljan, Oscar Piastri għeleb lill-kollega tiegħu, il-Brittaniku Lando Norris, biex daħlu fl-ewwel żewġ postijiet fil-Grand Prix taċ-Ċina, li sar fiċ-ċirkwit ta’ Shanghai, biex it-team tal-McLaren kompla jagħti twissija li se jkun fost l-isfidanti ewlenin għar-rebħ tal-kampjonat tal-Formula Wieħed ta’ din is-sena.
Din ir-rebħa kienet waħda kalma u kkontrollata min-naħa ta’ Piastri li rreċiproka r-rebħa ta’ siebħu, Norris, li fi tmiem il-ġimgħa preċedenti rebaħ il-Grand Prix Awstraljan, f’Melbourne.
Piastri, li beda mill-pole position, tilef l-ewwel post biss għal ftit ħin fil-perjodu meta daħal fil-pit-stop biex ibiddel it-tyres … u qatt ma ħares lura hekk kif fil-kontroll assolut hekk kif dejjem żamm vantaġġ medju ta’ erba’ sekondi fuq Norris.
Lejn it-tmiem, Norris deher li kellu problmei bil-brejkijiet iżda fortunatament huwa kellu biżżejjed vantaġġ fuq il-Brittaniku, George Russell (Mercedes) li temm fit-tielet post.
Din kienet it-tielet rebħa għal Piastri fil-karriera tiegħu li kienet mibnija mill- provi uffiċjali tas-Sibt hekk kif kiseb l-aħjar ħinijiet biex rebaħ il-pole position u kellu d-dritt li jibda mill-ewwel pożizzjoni. Fil-veritá huwa qatt ma deher li se jitlef din it-tiġrija hekk kif kienet “purċissjoni” ‘il bogħod minn kull eċċitament.
Is-sewwieq minn Monaco, Charles Leclerc (Ferrari) kellu tiġrija mill-aqwa minkejja li kellu l-ġewnaħ ta’ quddiem bil-ħsara … u l-pass tiegħu ġiegħel lill-Ferrari jordna lil sieħbu Lewis Hamilton biex ma jipprovax jaqbżu.
Iżda eventwalment, Leclerc tilef ir-raba’ post mill-Olandiż, Max Verstappen (Red Bull), meta kien fadal erba’ dawriet għat-tmiem hekk kif il-karozza taċ-champion renjanti bdiet tirrispondi tajjeb fit-tieni nofs tat-tiġrija.
Hamilton, li kellu aspettattivi għoljinwara li nhar is-Sibt rebaħ l-Isprint Race, reġa’ ddiżappunta hekk kif temm fis-sitt post, żewġ pożizzjonijiet aħjar mill-Grand Prix tal-Awstralja. Huwa rreżista s-sejħa tat-team li jħalli lil Leclerc jgħaddih u ma jaqbżux bil-konsegwenza li waqa’ lura.
Is-seba’ darbiet champion tad-dinja għamel it-tieni pit-stop, filwaqt li s-sewwieqa ta’ quddiemu baqgħu fuq it-trakka fuq is-sett uniku ta’ tyres iebsin, imwaħħla fl-uniċi pit-stops tagħhom.
Ir-riżultat iħalli lil Norris imexxi l-kampjonat b’disa’ punti minn Russell, b’Piastri u Verstappen punt ieħor ‘il bogħod.
Wara li saru żewġ tiġrijiet il-klassifika hija: 44 – Lando Norris; 36 – Max Verstappen; 35 George Russell; 34 – Oscar Piastri; 18 – Andrea Kimi Antonelli, Charles Leclerc; 17 – Lewis Hamilton; 12 – Alexander Albon; 8 – Lance Stroll; 6 – Esteban Ocon, Nico Hulkenber; 3 – Yuki Tsunoda; 1 – Oliver Bearman.
Il-klassifika tal-kostrutturi hija: 35 – McLaren; 34 – Mercedes; 24 – Red Bull; 17 – Ferrari; 10 – Williams; 8 – Aston Martin; 6 – Sauber; 3 – Racing Bulls