Barcelona nfurmaw lill-winger Ousmane Dembele li mhux se jerġa’ jilgħab mal-ġganti Katalani, fost rabtiet b’saħħithom ta’ ċaqliq ‘il bogħod mill-Camp Nou.
Il-player ta’ 24 sena deher biss sitt darbiet fil-La Liga għat-team ta’ Xavi dan l-istaġun, parzjalment minħabba injury, iżda Dembele issa mistenni ma jerġax jilgħab bil-flokk ta’ Barcelona.
Dembele kien marbut ma’ ċaqliq ma’ Liverpool, u d-diffikultajiet finanzjarji ta’ Barcelona kellhom sehem biex ma kinux kapaċi jassiguraw lill-internazzjonali Franċiż bi ftehim ġdid.
Xavi mhux se jinkludi lill-winger fl-iskwadri tiegħu għall-partiti fit-tentattiv tagħhom li jiffriżawh barra mill-klabb, u jista’ jkollhom ibaxxu l-prezz mitlub biex jinkiseb bejgħ.
Barcelona u Dembele naqsu milli jiftiehmu fuq termini ġodda, bil-kuntratt attwali tal-internazzjonali Franċiż se jiskadi fis-sajf, minħabba li l-club irid ibaxxi l-pagi tiegħu b’mod astronomiku.
Dembele ngħaqad ma’ Barcelona mingħand Borussia Dortmund fl-2017, u kompla biex skorja 31 goal u pprovda 23 assist f’129 dehra għall-club.