Wednesday, April 24, 2024

L-2021 kienet sena ta’ rekords meteroloġiċi

Aqra wkoll

Ix-xahar ta’ Diċembru ġab fi tmiemha sena ta’ rekords meteoroloġiċi fuq nota xemxija iżda xi ftit aktar kiesħa min-norma. F’Diċembru, fil-fatt, tkejlu 18-il siegħa xemxin aktar min-norma filwaqt li t-temperatura tal-arja medja kienet 0.6˚C aktar baxxa minn dik mistennija ta’ 14.3 ˚C.

It-temperaturi aktar friski ta’ Diċembru kkuntrastaw mat-temp fil-bidu tal-2021, fejn kemm Jannar u kemm Frar (li kien ukoll wieħed mill-aktar xotti) kellhom temperaturi tal-arja medji konsiderevolment ogħla min-norma. It-temperatura massima ta’ Jannar ta’ 25.8˚C, li ntlaħqet hekk kif riħ sħun minn fuq id-Deżert tas-Sahara nqabad fuq il-gżejjer Maltin minħabba kopertura ta’ sħab sfiq, tniżżlet fir-rekords tal-Uffiċċju Meteoroloġiku bħala l-ogħla temperatura għall-ewwel xahar tas-sena sa mill-1923.

L-ogħla temperatura tas-sena mbagħad intlaħqet f’Ġunju, hekk kif il-merkurju spara għal 41.5˚C u b’hekk inkiser kull rekord preċedenti tal-ogħla temperatura għal dan ix-xahar. Dan ġara hekk kif il-gżejjer Maltin kienu qegħdin jesperjenzaw mewġa ta’ sħana ta’ 12-il jum. It-tieni mewġa ta’ sħana għas-sajf li għadda, li kienet ħafna oqsar minn dik ta’ qabilha, laqtet lil Malta bejn l-aħħar ta’ Lulju u l-bidu ta’ Awwissu, bix-xahar tal-aħħar jirreġistra l-ogħla temperatura medja tas-sena 2021 ta’ 33.8˚C. Ix-xhur tas-sajf kienu aktar sħan u xotti milli mistenni f’dan iż-żmien tas-sena, bit-temperatura medja għall-istaġun tisboq in-norma klimatika tal-1981-2020 b’2°C u 1.6mm xita mkejlin.

Il-ħarifa meteoroloġika ġabet magħha ftit solliev mill-qilla tas-sajf hekk kif it-temperatura tal-arja laħqet medja aktar pjaċevoli ta’ 26.3°C f’Settembru. Matul dan ix-xahar niżlu wkoll l-ewwel ħalbiet tax-xita għas-sena tax-xita 2021 – 2022, iżda l-ammont ta’ 18.4mm imkejjel kien bil-wisq aktar baxx min-norma klimatika ta’ Settembru. B’hekk Settembru kien id-disa’ xahar aktar xott mill-medja għas-sena 2021.

Il-folja nqalbet f’Ottubru, hekk kif niżlu 246.2mm xita, li għamlu lil dan ix-xahar it-tielet l-aktar Ottubru milwiem mill-1922. Novembru wkoll kien ħafna aktar imxarrab min-norma klimatika u tella’ t-total ta’ xita mkejla matul il-ħarifa meteoroloġika għal 413.2mm, bir-rekords tal-Uffiċċju Meteoroloġiku juru li l-gżejjer Maltin kien ilhom 22 sena ma jesperjenzaw ħarifa daqstant imxarrba. Matul l-istaġun, L-Uffiċċju Meteoroloġiku f’Ħal Luqa osserva 17-il maltempata bis-sajjetti u x-xita, minn total ta’ 25 għas-sena sħiħa. 

Is-sena 2021 intemmet b’xahar ieħor li kien aktar xott min-norma, hekk f’Diċembru niżlu biss 32% tax-xita mistennija. Bix-xita li tkejlet f’Diċembru, l-ammont totali għas-sena 2021 baqa’ ma laħaqx in-norma ta’ 567.0mm b’10.8mm. Diċembru, Jannar u Marzu kienu t-tliet xhur tas-sena li matulhom ġew osservati ħalbiet ta’ xita bis-silġ f’Ħal Luqa. Marzu kien ukoll wieħed minn tliet xhur, bl-oħrajn ikunu Ottubru u Diċembru, li rreġistra temperatura tal-arja medja li kienet aktar baxxa min-norma għax-xahar. Ix-xahar kellu wkoll l-aktar temperatura tal-arja medja baxxa tas-sena ta’ 10.7°C.

L-aktar temperatura baxxa tal-2021, min-naħa l-oħra, tkejlet fil-15 ta’ Frar, hekk kif massa ta’ arja kiesħa mill-Artiku mxiet lejn il-gżejjer Maltin u wasslet sabiex it-temperatura niżlet għal 5.8°C. Barra minn hekk, Frar kien wieħed minn sitt xhur fl-2021 li kienu aktar xemxi min-norma. Matul is-sena sħiħa tkejjel total ta’ 2,913-il siegħa xemxin, b’Lulju (364.7 siegħa) ikun l-aktar xahar xemxi u Novembru (151.4 siegħa) ix-xahar li ra l-anqas xemx.

Sport