Saturday, April 20, 2024

Il-PL jakkuża lil Bernard Grech li pprova jitfa dubju dwar il-proġett tal-pipeline tal-idroġenu

Aqra wkoll

Fi stqarrija li ħareġ, il-Partit Laburista kkritika lill-Kap tal-Oppożizzjoni talli naqas milli fil-fora Ewropea jagħmel argumenti  biex pajjiżna jibbenefika minn fondi għall-proġett ta’ pipeline tal-idroġenu. 

Agħar minnhekk, qalet l-istqarrija tal-PL, illi f’kummenti li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ipprova jitfa dubju dwar dan il-proġett billi uża argumenti li jaf li mhux minnhom.

Il-Partit Laburista kompla qal illi kif kien diġa’ spjegat mill-entitajiet kompetenti, meta dan il-proġett jimmaterjalizza jkun il-poplu Malti u Għawdxi kollu li jgawdi minn arja iktar nadifa, diversifikazzjoni fis-sorsi u anke prezzijiet stabbli. Huwa wkoll proġett li s-sid uniku tiegħu se tkun kumpanija tal-iStat. 

B’hekk, skont il-Parttit Laburista, kull kumment ieħor ta’ Bernard Grech jixhed li mhux biss irid iqarraq iżda ma jitlifx okkażjoni waħda biex jipprova jfixkel lill-pajjiż bil-għan li jimmina l-ħidma tal-gvern favur il-Maltin u l-Għawdxin. 

Sport