“Pajjiż b’saħħtu jkun meta ħadd ma jitħalla jaqa’ lura.” Hekk stqarr is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja meta kien qiegħed jindirizza l-għeluq tal-Kungress tal-Partit Laburista.
Bugeja stqarr li d-dinjità tal-bniedem mhux għal biegħ… “Jien ġej minn fejn ġejjin intom… minn fuq il-post tax-xogħol,” qal Bugeja filwaqt li stqarr li l-Partit Laburista u t-trejd unjins qatt ma kienu ‘l bogħod minn xulxin għax dejjem emmnu li l-għan ewlieni tagħhom hu li jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal li taħt Gvern Laburista hu dejjem sab bibien miftuħin l-aktar meta biex jgħinu xi ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol.
Bugeja kompla jgħid li soċjetà ma titkejjilx biss dwar kemm tikber l-ekonomija, iżda anke kemm tieħu ħsieb in-nies li jgħixu fl-istess soċjetà.
Hawn, Bugeja rrefera għal ħafna miżuri li daħlu taħt Gvern Laburista fosthom iż-żieda fil-paga minima u anke t-tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU waqt id-diskors tiegħu qal li l-Prim Ministru Abela ta garanzija li mhux biss il-pajjiż għandu provista biżżejjed ta’ enerġija, iżda li l-kontijiet se jibqgħu baxxi minkejja kull sitwazzjoni internazzjonali.
Tenna li l-ġid għandu jiġi milħqu minn kulħadd. “Meta nkunu qegħdin ngħollu lil dawk l-aktar baxxi nkunu qegħdin ngħollu lil kulħadd. Il-ġustizzja soċjali trid tinħass fil-ħajja ta’ kuljum… Pajjiż b’saħħtu jkun meta ħadd ma jitħalla jaqa’ lura,” temm jgħid is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.

