Thursday, November 21, 2024

Pajjiż ta’ Kwalità: Iċ-children’s allowance jiżdied iktar minn dak imwiegħed fil-manifest elettorali

Aqra wkoll

“Dan il-gvern jemmen f’politika ta’ kontinwità u li jibni fuq it-tajjeb illi diġà sar. Il-gvern jibqa’ impenjat ukoll li jidħol għall-familji u jkun ta’ sostenn. Jannar 2025 se jfisser bidu ta’ sena ġdida mimlija b’ġid soċjali li minnu jgawdu l-familji, l-pensjonanti u dawk li jifilħu l-anqas. Din hija l-kwalità ta’ ħajja li rridu naraw lin-nies jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom, għaliex kulħadd ħaqqu livell ta’ għajxien aħjar.” Stqarr dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet, bit-tema “Pajjiż ta’ Kwalità”.

Il-ministru spjega li għat-tieni sena konsekuttiva ser jiżdied is-suppliment taċ-children’s allowance, b’€250 oħra għal kull wild, sabiex issa ser ilaħħaq €640 jew €660 fis-sena skont id-dħul tal-familja. Dan ifisser li din iż-żieda hija aktar minn dak illi ġie mwiegħed fil-manifest elettorali.

Barra minn hekk, ser tiġi introdotta miżura oħra sabiex familji jkunu jistgħu jikkwalifikaw għal rati mtejba taċ-children’s allowance billi fil-komputazzjoni tar-rata tal-allowance, se jiġi injorat mhux biss l-ammont ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jkunu tħallsu mid-dħul tal-ġenituri iżda anke l-ammont ta’ taxxa fuq id-dħul li jkun tħallas. Dan it-titjib huwa stmat li jiswa madwar €16.5 miljun u se jolqot madwar 42,000 familja b’63,000 tifel u tifla.

Il-Ministru Michael Falzon tkellem ukoll dwar l-in-work benefit, u kif anke f’dan il-benefiċċju fil-komputazzjoni tar-rata mhux se jkun miżjud lanqas l-ammont ta’ taxxa fuq id-dħul li jkun tħallas. Dan se jolqot pożittivament madwar 25,000 familja b’madwar 40,000 wild taħt it-23 sena għaliex mhux biss se tiżdidilhom ir-rata mħallsa imma se jwassal biex familji ġodda bieżla jibdew jibbenefikaw.

Matul din il-konferenza tal-aħbarijiet ingħatat spjegazzjoni dwar il-ġenituri li uliedhom ikomplu bl-edukazzjoni post-sekondarja tagħhom u li minn din is-sena bdew jirċievu allowance speċjali ta’ €500 biex jgħinhom ikunu aktar ta’ appoġġ fil-mixja edukattiva ta’ uliedhom. Ġie spjegat li dan l-allowance ser ikun estiż għal sena oħra. Dan ifisser li s-sena d-dieħla madwar 10,500 familja ser jitħallsu t-tieni pagament, filwaqt li ġenituri li uliedhom f’Ottubru ta’ din is-sena bdew l-edukazzjoni post-sekondarja tagħhom ser jitħallsu l-ewwel pagament.

Issemma wkoll illi mis-sena d-dieħla ser jiżdied iċ-child birth bonus b’€500 għal €1,500 għat-tielet wild jew aktar fil-familja. Dan filwaqt li ġenituri prospettivi li jagħmlu trattament ta’ IVF, separatament minn kull dritt għal-leave mħallas, jibbenefikaw minn 100 siegħa oħra ta’ leave imħallas għal kull ċiklu ta’ trattament. L-omm prospettiva tingħata 60 siegħa ta’ leave, filwaqt li l-konjuġi tagħha jkun intitolat għal 40 siegħa oħra.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport