Wednesday, December 25, 2024

“Pajjiż ta’ Kwalità, Saħħa Ekonomika, u Appoġġ għas-Settur tas-Sajd u l-Annimali”

… is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said

Aqra wkoll

It-tnaqqis fil-faxxa kollha tat-taxxa ser ikollu impatt pożittiv fuq eluf ta’ individwi u familji, li mhux biss se jżid il-flus disponibbli fil-bwiet tal-konsumaturi imma wkoll se jnaqqas il-piż fuq il-produtturi lokali. 

Dan qalitu s-Segretarju Parlamentati għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said fid-diskors li għamlet waqt li l-parlament kien qed jiddiskuti l-estmi finanzjarju tal-Ministeru tal-Biedja u Sajd u l-Ħarsien tal-Annimali.

Alicia Bugja Said tkellmet dwar id-dipartimenti li jaqgħu taħt ir-rresponsabbilta tagħha u sostniet li l-Budget 2025 ġie ppreżentat bħala dokument ambizzjuż, orjentat lejn it-tkabbir ekonomiku u l-appoġġ soċjali, u li jagħti prijorità lill-komunitajiet kollha, speċjalment dawk vulnerabbli, billi jsaħħaħ il-ħarsien soċjali u joffri għajnuna konkreta lill-produtturi, lis-sajjieda, u lill-għaqdiet tal-annimali.

Tkabbir Ekonomiku u Tnaqqis tat-Taxxi

Hija fissret li t-tnaqqis fil-faxex kollha tat-taxxa kien possibbli minħabba ekonomija b’saħħitha li tippermetti investimenti ġodda f’oqsma diversi, bħas-sajd, l-agrikoltura u s-settur tal-annimali. Din hija turija tar-ruħ soċjali tal-Gvern, bil-għan li jinħoloq bilanċ bejn it-tkabbir ekonomiku u s-sostenibbiltà soċjali.

Żvilupp u Protezzjoni għas-Sajjieda

Is-settur tas-sajd u l-akwakultura kellu rwol prominenti fil-budget 2025. Fil-fatt, hija semmiet kif taħt it-tmexxija tagħha bħala Segretarju Parlamentari, hija rnexxielha żżid il-kwota għat-tonn għas-sajjieda lokali, filwaqt li sar ftehim għal esportazzjoni ta’ tonn lejn is-suq kbir Ċniż.

Dan apparti diversi skemi oħra li ġew imfassla biex jappoġġaw lis-sajjieda, inkluż żieda fis-sussidji fuq il-fuel u l-introduzzjoni tal-iskema ta’ Restawr tad-Dgħajjes għall-ħames sena konsekuttiva, sabiex id-dgħajjes tradizzjonali jinżammu f’kundizzjoni tajba.

Irreferiet ukoll għal dak li ħabbar il-Gvern dwar il-ħolqien ta’ Organizzazzjonijiet Professjonali fis-settur tas-sajd, bilgħan li s-sajjieda jibbenifikaw minn fondi Ewropej biex itejbu s-swieq tagħhom. Dawn l-inizjattivi jsaħħu l-kwalità u l-kompetittività tas-settur tas-sajd f’Malta.

Leġiżlazzjoni u Appoġġ għall-Benesseri tal-annimali

Tkellmet ukoll dwar il-leġislazzjoni għas-settur tal-ħarsien tal-annimali, u fakkret kif il-gvern Laburista ntroduċa miżuri innovattivi biex isaħħaħ il-ħarsien tal-annimali fosthom leġiżlazzjonijiet ġodda għal servizzi ta’ grooming, sitting, u boarding ta’ annimali li ġew imfassla biex jiżguraw il-protezzjoni tagħhom u serħan il-moħħ għas-sidien tal-istess annimali. Ir-Regolamenti ġodda jkopru wkoll il-cat feeders li jitimgħu l-qtates tat-triq.

Bugeja Said kompliet tfisser kif il-budget tas-sena d-dieħla jinkludi wkoll investiment f’aktar servizzi veterinarji sabiex il-benesseri tal-annimali jiġu protetti, flimkien ma’ programmi ta’ edukazzjoni u promozzjoni għad-drittijiet tal-annimali. “F’dan ir-rigward, il-gvern qed jorganizza wkoll skemi biex jinkoraġġixxi l-adozzjoni ta’ klieb u qtates, u jgħin lis-santwarji lokali bil-finanzjamenti meħtieġa għall-manutenzjoni.

Aġenzija Ġida għar-riċerka Akwatika u l-Iżvilupp ta’ Proġetti

Sabiex jiġi promoss l-iżvilupp u r-riċerka fis-settur tas-sajd, twaqqfet l-aġenzija ġdida Aquatic Resources Malta. Din l-aġenzija tħaddan firxa ta’ proġetti ta’ riċerka fis-sajd u l-akwakultura. Dan il-programm se jara investiment ta’ miljuni ta’ ewro minn fondi Ewropej biex ikabbar il-potenzjal f’Malta għal soluzzjonijiet sostenibbli fis-settur tas-sajd.

Strateġija Nazzjonali għall-Akwakultura u l-Ibħra Maltin

Il-gvern ħabbar ukoll strateġija nazzjonali għall-ibħra ta’ Malta, li tiġbor fiha l-iżvilupp tal-Exclusive Economic Zone (EEZ). Din l-istrateġija se tintuża biex tiġi żviluppata l-industrija tal-akwakultura b’mod sostenibbli. Fil-proċess mal-Kummissjoni Ewropea, Malta qed tfassal strateġija għall-perjodu bejn l-2025 u l-2030 li se tirriżulta f’prodotti lokali sostenibbli u l-kisba ta’ investiment dirett permezz ta’ fond għall-akwakultura.

Lenti fuq l-Industrija tal-Ikel u l-Biedja Lokali

Is-Segretsrju Parlamentari enfasizzat ukoll id-diversi proġetti li daħħlet il-Malta Food Agency, li tieħu ħsieb l-industrija tal-ikel, fosthom l-inizjattiva Farm to Fork, li jipprovdu pjattaforma diretta għall-biedja u s-sajd lokali sabiex jersqu aktar qrib il-konsumaturi. Il-Farmers’ Market kienet inizjattiva kbira oħra li tat aċċess lill-produtturi lokali biex jippromwovu l-prodotti tagħhom direttament lill-konsumatur, filwaqt li qed ikompli jiġi mtejjeb biex jinkludi anke lis-sajjieda. 

Il-gvern qed jiffoka wkoll fuq is-saħħa u l-iġjene fil-Pixkerija nazzjonali, fejn qed jimplimenta sistema moderna li tħaddem app għall-konsumaturi. Din il-faċilità tippermetti lill-konsumatur jara liema ħut frisk hu disponibbli kuljum u jixtrih direttament mill-istabbilimenti. Din l-inizjattiva se ssaħħaħ l-interazzjoni diretta bejn il-produtturi lokali u l-konsumaturi, filwaqt li tgħolli l-kwalità tal-prodott u l-istandards tas-sigurtà tal-ikel.

Konklużjoni

Fil-konklużjoni tad-diskors tagħha, is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said affermat li l-Budget 2025 jpoġġi enfasi fuq kwalità għolja, tkabbir ekonomiku, u appoġġ soċjali komprensiv. Minn tnaqqis tat-taxxi sal-ħolqien ta’ infrastruttura sostenibbli għas-sajd u l-annimali, dan il-budget għandu l-għan li joħloq futur aħjar għall-komunitajiet kollha, filwaqt li jagħmel spazju għall-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni. 

Bi ftehimiet internazzjonali ġodda u skemi mfassla b’kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet Ewropej, Malta tinsab preparata biex tkompli fit-triq tas-sostenibbiltà, kif ukoll fit-titjib tal-benesseri tal-annimali. F’dan il-budget, il-gvern wera impenn ċar li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja għall-poplu Malti u Għawdxi kollu, permezz ta’ inizjattivi konkreti li se jġibu ‘il quddiem lil Malta u Għawdex b’mod sostenibbli u soċjalment ġust.

Ekonomija

Sport