Sunday, October 27, 2024

PAJJIŻI JAGĦTINI SPALLTU BIEX NILĦAQ ASPIRAZZJONIJIET UGWALI

Luana Cini
Luana Cini
Sinoloġista

Aqra wkoll

Fost sfidi oħra, f’pajjiżi ġganti bħaċ-Ċina, ġenitur waħdu kważi pprojbit milli jibni karriera 

L-aħħar li żort iċ-Ċina fuq studju, niftakar lecturer tiskanta bija kif jien kont miżżewġa, għadni bla tfal u għadni bil-ħsieb biex inkompli nistudja. Niftakar, meta kont għedtilha li tqila, kienet qaltli issa nista’ verament nirrispettak. Ikolli nammetti li ħadtha xi ftit jew wisq bi kbira.

Meta ħabiba tiegħi Xiao Yu, lecturer Ċiniża ta’ 31 sena, saret taf li kienet tqila fl-2018, iddeċidiet li żżomm it-tarbija tagħha. Ippruvat taħbi l-fatt li ma kinetx miżżewġa u tqila mill-kollegi tagħha fejn taħdem f’Shanghai. Hija ħallset il-kontijiet tal-isptar tagħha stess aktar milli tiddependi fuq assigurazzjoni pubblika u tirriskja li tesponi s-sigriet tagħha lill-isptar u lil min iħaddimha. Xiao Yu hija omm ta’ tifel ta’ erba’ snin, li rrifjutat li taqsam isimha proprju minħabba l-biża’ ta’ retribuzzjoni soċjali u  qiegħda tiffaċċja sfidi ġodda: taċċessa l-kura tas-saħħa pubblika u l-edukazzjoni għat-tifel tagħha f’Shanghai, fejn ilha tgħix għal dawn l-aħħar disa’ snin.

“Ħassejt li dan il-ħlejjaq żgħir għandi nżommu”

“Ħassejt li dan il-ħlejjaq żgħir għandi nżommu u li kelli naħdem ħafna biex noħloq il-kundizzjonijiet li taħthom nista’ nrabbieh,” tgħid Xiao Yu, nattiva tal-provinċja ta’ Henan fiċ-Ċina, li marret toqgħod f’waħda mill-ikbar bliet tal-pajjiż, Shanghai. Għalkemm il-ġenituri u l-ħbieb qrib ta’ Xiao Yu jappoġġjaw l-għażla tagħha li ssir omm, hi tgħid li ħafna mill-kollegi fuq il-post tax-xogħol tagħha ma jafux li għandha tifel. Hi tisħaq li min iħaddem jistaqsi,  “Int biss li tieħu ħsieb it-tifel? Jekk iva, allura kif se tiffoka fuq ix-xogħol?”

L-istil ta’ ħajja u l-ekonomija soċjali li qed jinbidlu drastikament qed jaffettwaw il-ġenituri fiċ-Ċina. Minn studju li sar, qed naraw kif iktar ma jgħaddi żmien, in-nisa Ċiniżi qed isiru finanzjarjament indipendenti. Ir-rata taż-żwieġ naqset f’dawn l-aħħar snin, u l-koppji qed jiddivorzjaw aktar spiss milli fil-passat. Skont dejta taċ-ċensiment, in-nisa qed jipposponu ż-żwieġ u l-maternità. Filwaqt li xi wħud qegħdin irabbu t-tfal waħedhom.

Spazju vojt għal ġenituri waħidhom

Iżda l-kodiċi tal-familja tal-pajjiż, li huwa dettaljat b’mod eżawrjenti ma jsemmi l-ebda ġenituri waħedhom. Huwa suġġett tant traskurat li ma hemm l-ebda statistika uffiċjali disponibbli dwar kemm tfal jitrabbew minn ġenituri waħedhom. Dan iħalli ħafna nisa Ċiniżi mwaħħlin f’żona griża legali fejn ma jkunux jistgħu jaċċessaw is-servizzi pubbliċi bażiċi għalihom infushom u għat-tfal tagħhom. Hemm spazju vojt meta jiġu għall-ġenituri waħedhom għaliex f’għajnejn kulħadd, ġenituri li jrabbu t-tfal waħedhom ikunu qed jiksru l-ippjanar tal-familja.

La l-Liġi tal-Popolazzjoni u l-Ippjanar tal-Familja u lanqas il-Liġi taż-Żwieġ ma fihom lingwaġġ li jippermetti jew jipprojbixxi ġenitur wieħed. Il-Liġi taż-Żwieġ, madankollu, tiggarantixxi drittijiet ugwali għat-tfal imwielda barra ż-żwieġ. Iżda l-liġijiet jippreżumu li kull min ikollu t-tfal huwa miżżewweġ. Huma jeskludu wkoll liċ-ċittadini LGBTIQ. Fiċ-Ċina, koppji tal-istess sess ma jistgħux jiżżewġu jew jirreġistraw bħala unjoni ċivili.

It-trattament tal-ommijiet waħedhom jitħalla għad-diskrezzjoni tal-gvernijiet lokali, li adottaw varjetà wiesgħa ta’ pożizzjonijiet. Ħafna awtoritajiet provinċjali jiċħdu lil tfal t’ommijiet waħedhom, hukou. Kemm meta dawn jiġu rreġistrati fit-twelid, kif ukoll għan-numru tas-sigurtà soċjali fejn jippermettilhom jattendu l-iskola u jaċċessaw servizzi bħall-kura tas-saħħa. Provinċji oħra talbu li ommijiet waħedhom iħallsu miżata ta’ “appoġġ soċjali”, ġeneralment diversi mijiet ta’ ewro, bħala penali għall-ksur tar-regoli tal-ippjanar tal-familja.

Ommijiet waħidhom b’miżata ta’ “appoġġ soċjali”

Dan il-permess huwa kruċjali għaliex jippermetti lil Xiao Yu u lil binha jaċċessaw is-servizzi pubbliċi f’Shanghai, aktar milli jkollhom jivvjaġġaw lura lejn Henan. Mingħajr dan il-permess, binha Xiao Long ma jkunx jista’ jattendi skejjel pubbliċi ta’ Shanghai jew jaċċessa l-assigurazzjoni tas-saħħa pubblika ta’ din il-belt.

Xiao Yu stenniet snin biex takkumula l-punti meħtieġa biex tapplika iżda xorta mhijiex eliġibbli li tikkwalifika: “Qed iqisuni barranija għaliex ‘ksirt’ ir-regolamenti tal-ippjanar tal-familja. Din hija l-aktar ħaġa li tant qed iġġegħlni nistħi.”

Minkejja dawn il-limiti, l-esperti wissew li ċ-Ċina jeħtieġ li jkollha aktar tfal biex tevita tnaqqis tal-popolazzjoni fil-futur. Il-pajjiż jiffaċċja nuqqas ta’ ħaddiema bħala riżultat tal-politika tal-passat fejn familja ma setax ikollha iktar minn wild wieħed. Il-gvern temm ir-regola ta’ wild wieħed fl-2016 u issa jippermetti lill-ġenituri li jkollhom żewġt itfal anke tlieta. Madankollu, il-Partit Komunista fil-gvern taċ-Ċina ma tantx qed iċedi l-kontroll fuq l-ippjanar tal-familja.

“Il-Partit Komunista b’xi mod jew ieħor dejjem kien attiv fit-tiswir tal-familji u l-inkoraġġiment ta’ tip partikolari ta’ familja, notevolment il-familja nukleari,” jgħid Stuart Gietel-Basten, professur u espert tad-demografija fl-Università tax-Xjenza u t-Teknoloġija ta’ Ħong Kong. . “Taħt Mao Zedong kien inkoraġġut li jkollok ħafna tfal sabiex b’hekk jikber u jitkattar il-pajjiż imma fis-sebgħinijiet il-folja nqalbet u kien ipprojbit li jkollok iktar minn wild wieħed.” Inżid ukoll, li dawk li setgħu jaħdmu l-art kienu permessi li jkollhom ħafna tfal għaliex, sintendi l-art hija kbira u wild wieħed ma kienx biżżejjed biex jieħu ħsieb lill-familja. Riċentement, il-letteratura tal-partit qalet “li jkollok it-tfal hija kwistjoni tal-familja kif ukoll kwistjoni nazzjonali.”

Temmet it-tqala wara episodju qawwi ta’ dippressjoni

Grupp ieħor ta’ ġenituri waħedhom ma jilħaqx id-definizzjoni ta’ familja ġewwa ċ-Ċina huma n-nisa li jkollhom it-tfal permezz ta’ surrogacy. Minkejja li hija għalja, hija wkoll illegali. Xi nisa Ċiniżi b’mezzi finanzjarji ppruvaw jevitaw il-projbizzjoni billi jużaw servizzi barra minn xtuthom. Din hija xi ħaġa li ħafna nisa Ċiniżi saru jikkunsidraw. Ħabiba oħra tiegħi, Liu ħarġet tqila fl-2018. Iżda wara episodju qawwi ta’ dipressjoni, hija ħadet deċiżjoni diffiċli li ttemm it-tqala tagħha, xi ħaġa li ħallietha trawmatizzata. Madankollu hi ma teskludix li jkollha tarbija fil-futur.

Hija tgħid li, “Mhux dejjem ħsibt li jkolli t-tfal. Huwa biss wara li rajt lin-neputija tiegħi tikber, bdejt naħseb li għandi nħalli dik l-għażla miftuħa għalija nnifsi f’każ li qatt jinbidilli l-ħsieb u niddeċiedi li jkolli t-tfal.” Bħala mara mhux miżżewġa, Liu ikun diffiċli għaliha biex tikkwalifika għall-adozzjoni.

L-alternattivi joħolqu wkoll sfidi. Għalkemm proċeduri bħall-inseminazzjoni artifiċjali u l-fertilizzazzjoni in vitro huma permessi fiċ-Ċina, ħafna mill-isptarijiet Ċiniżi ma jipprovdux servizzi tal-iffriżar tal-bajd. Il-liġi tal-2001 li tipprojbixxi s-surrogacy tistipula wkoll li t-teknoloġija riproduttiva assistita tista’ tintuża biss minn dawk li huma legalment permessi li jkollhom it-tfal — koppji miżżewġin eterosesswali.

Allura jien wara li nisma’ dan kollu, ma nistax ma ndawwarx ħsibijieti lejn pajjiżi. Bħalma ħafna jsibuha, farka fil-Mediterran imma ejja namettu kemm għandna niftaħru kif Gvern Laburista ġab ‘l quddiem lil dan il-pajjiż. Titwila żgħira lejn dawn l-aħħar snin, il-Partit Laburista fil-Gvern ra kif kull ġeneru, kull sess, kull relazzjoni, kull wild għandhom jiġu rrikonoxxuti ugwalment. Kulħadd għandu l-istess drittijiet. 

F’pajjiżna storja oħra b’miżuri favur l-ugwaljanza

Li tkun ġenitur waħdek ġewwa Malta mhux ikkunsidrat taboo f’għajnejn il-Gvern anzi miżura fil-baġit ta’ din is-sena li laqtitni hija dik li tara l-possibbiltà li d-dħul ta’ ġenituri waħedhom li jaħdmu jitla’ minn €23,000 għal €35,000 fis-sena. 

Ġenituri, kemm dawk li qegħdin f’relazzjoni kif ukoll dawk waħedhom se jiżdidilhom il-Bonus għal Twelid ta’ Tarbija jew Adozzjoni minn €300 għal €400. Dan ifisser li kull wild huwa ugwali ġewwa pajjiżna.

Ic-Childcare b’xejn għal kulħadd ma nista’ ninsieh lanqas. L-ewwel nett fiċ-Ċina, tradizzjonalment il-mara tieqaf taħdem anke jekk tkun ilha ħajjitha tistinka għal professjoni tagħha. Imma jekk il-mara tiddeċiedi li tibqa’ taħdem huma dawk it-tfal li huma rreġistrati taħt żewġ ġenituri li huma eliġibbli għal childcare b’xejn. Dawk li rreġistrati taħt ġenitur wieħed, l-istess benefiċċju ma jgħoddx għalihom.

Id-drittijiet tal-LGBTIQ f’Malta huma tal-ogħla standard, anke meta mqabbla ma’ pajjiżi Ewropej oħra. Id-drittijiet transġeneru u intersesswali f’Malta huma tal-ogħla standard fid-dinja taħt l-Att dwar l-Identità tal-Ġeneru, l-Espressjoni tal-Ġeneru u l-Karatteristiċi tas-Sess, li jippermetti lin-nies transġeneri jibdlu s-sess legali tagħhom mingħajr interventi mediċi u jipprojbixxi kirurġiji fuq trabi intersesswali. Iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess ilu legali mill-1 ta’ Settembru 2017, u qabel dan l-unjonijiet ċivili ġew promulgati f’April 2014. Dawn id-drittijiet ġewwa ċ-Ċina ma jeżistux.

Il-Liġi tal-IVF ma nistax ma nsemmihiex. Liġi li daħlet fis-seħħ fl-1 t’Ottubru tal-2018. Koppji eterosesswali, koppji tal-istess sess kif ukoll nisa waħedhom huma eliġibbli għat-trattament tal-IVF ġewwa pajjiżna. 

Jekk nibda nsemmi, ma niqafx. Il-Lista, kif jaf kulħadd hija waħda twila. Perfetti? Liema Gvern fid-dinja huwa perfett? Imma meta nikkompara lil pajjiżna ma’ wieħed mill-ikbar fid-dinja bit-tieni l-aqwa ekonomija fid-dinja ma nistax ma nitbissimx. Għalkemm għad hemm ħafna xi jsir, f’dawn l-aħħar disa’ snin saru passi ta’ ġgant wieħed wara l-ieħor u ma nistenna xejn inqas minn Gvern Laburista.

Sport