“Verament tibqa’ tiżdied fija l-konvinzjoni kemm dan il-pajjiż għandu l-iprem riżorsa – it-talent ta’ niesu, il-il-kapaċitajiet tal-investituri tiegħu u l-ħiliet tal-ħaddiema.”
Hekk stqarr il-Prim Ministru u mexxej Laburista Dr Robert Abela f’diskors li għamel fl-għeluq tal-business breakfast organizzat mill-Partit Laburista bħala parti mill-Kungress 2026 bit-tema Malta Aqwa – Ikteb il-Kapitlu li Jmiss.
Il-Prim Ministru qal li huwa dan kollu li jagħtina r-reżiljenza f’mumenti ta’ sfidi kbar biex għal darb’oħra filwaqt li ħafna pajjiżi qed jogħtru, aħna qed nerġgħu neċċellaw.
Il-pożittività tibqa’ ċ-ċavetta
“Hija l-għażla li dejjem inħarsu ‘l quddiem biex nibqgħu niġġeddu, u din hija l-pedament tas-suċċess tagħna. Il-pożittività tibqa’ ċ-ċavetta tar-rendiment ekonomiku li jibqa’ miexi ‘l quddiem. Mal-pożittività hemm ukoll il-bżulija tal-ħaddiema u min iħaddimhom, kif ukoll l-għaqal,” kompla jgħid il-Prim Ministru Dr Robert Abela fl-għeluq tal-business breakfast.
Il-kelliem ta rendikont tal-kisbiet kbar u miżuri li daħħal dan il-Gvern biex jgħin lin-nies. Semma fuq quddiem nett li biex isir dan kollu l-pajjiż għandu bżonn finanzi robusti kif fil-fatt huma. Semma li d-dejn nazzjonali dan il-Gvern irnexxielu jniżżlu għal inqas minn 47% meta kkumparat mal-GDP.
“Nifhem li hemm min jgħid li s-sussidji huma short lived. Ma naqbel xejn. pajjiżna għandu żvantaġġi naxxenti mill-pożizzjoni ġeografika tiegħu…
“Għalija l-miżura primarja li wettaq dan il-Gvenr li qed tagħtina diffrenza totali bejn ħaddieħor li għandu l-ekonomiji tiegħu niżlin għal dik tagħna l-iżgħar stat mebru bl-aqwa ekonomija fl-UE, dak il-pajjiż li qed jirnexxileu jnaqqas id-defiċit qabel imbassar tibqa’ dik il-miżura li nibqgħu nagħtu għajnuniet fil-qasam tal-enerġija u l-fjuwils,” tenna l-Prim Ministru Abela.
Qal li għalhekk f’dan il-mument filwaqt li rridu nibqgħu nilqgħu għall-isfidi kbar, irridu nibqgħu nagħtu garanzija assoluta fl-istabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija u anke l-garanzija tal-provvista.
Inkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies
Fid-diskors tiegħu Dr Abela rrefera wkoll għal Viżjoni Malta 2025 fejn stqarr li kif wegħedna lil xulxin, waqt li rridu nkabbru l-ġid nazzjonali u dan jibqa’ kejl importanti, dan mhux se nagħmluh bħala linja tat-tmiem tat-tellieqa tagħna.
“L-iskop tat-tkabbir irid ikun biex inkomplu ntejbu u nkabbru l-kwalità tal-ħajja ta’ niesna, biex jgħixu ħajja itwal u b’saħħitha, sistema ta’ edukazzjoni u saħħa li tkun waħda tajba għall-futur,” stqarr Dr Abela.
Qal li bħala Gvern qegħdin nagħżlu bħala t-tieni mira li naraw li n-nies jifdililhom aktar flus fil-but wara li titnaqqas it-taxxa. “Imbagħad se naraw li l-Għawdxin u l-Maltin ikun dejjem aktar kuntenti u sereni magħhom infushom u mal-familji tagħhom…
“L-appoġġ irid ikun li filwaqt li niddefendu kontra ż-żidied fil-prezzijiet tal-enerġija, fl-istess waqt ir-ritmu ekonomiku li għandna rridu naraw li jibqa’ għaddej bis-saħħa,” kompla jgħid il-Prim Ministru filwaqt li stqarr li mingħajr ekonomija soda ma jistax ikollok tragwardi sbieħ li tkellimna dwarhom.
Bżonn ta’ imprendituri ambizzjużi
Irrefera wkoll għan-negozjati f’dan il-pajjiż, fejn il-Prim Ministru stqarr li biex nazzjon ikun b’saħħtu jrid ikollok imprendituri ambizzjużi u komunità tan-negozju dinamika u li dejjem tiġġeded.
Messaġġ ta’ ottimiżmu u realiżmu
Il-Prim Ministru għalaq b’messaġġ ta’ ottimiżmu u realiżmu. “Qegħdin niltaqgħu hawn… kulħadd esprima l-ideat tiegħu… konxji tar-realtajiet u sfidi kbar li hemm madwarna bħalissa. Għamilna dak kollu li hemm bżonn u se nibqgħu nagħmlu dan biex nassiguraw stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija u l-garanzija tal-provvista.”
Dr Abela tenna li hu biss b’aktar għaqal li nistgħu nibqgħu negħlbu dawn l-isfidi. B’dan l-għaqal u d-determinazzjoni flimkien se nirnexxu.

