Tuesday, April 23, 2024

Pajjiżna rikonoxxut għad-donazzjoni ta’ madwar 700,000 doża tal-vaċċin lil pajjiżi oħra

Aqra wkoll

It-tibdil fil-klima, il-ħarsien tas-saltna tad-dritt internazzjonali, il-gwerra fl-Ukrajna u l-bżonn li organizzazzjoni bħall-Commonwealth tkun iktar ippreparata għal theddid serju globali fil-qasam tas-saħħa kienu temi ewlenin waqt il-laqgħat tal-Kapijiet tal-Gvernijiet tal-Commonwealth, fir-Rwanda. 

Waqt dawn il-laqgħat, Malta, irrappreżentata mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, ipproponiet li tkun esplorata l-possibilità li f’laqgħat futuri tal-Commonwealth titla’ dejjem fuq l-aġenda t-tema ta’ global health threats, bħalma hija r-reżistenza għall-antibijotiċi u s-saħħa mentali, li huma temi li jolqtu lill-pajjiżi kollha tad-dinja u li għalhekk għandhom jiġu diskussi fuq livell internazzjonali.    

It-tibdil fil klima, speċjalment il-mod kif jaffettwa lill-pajjiżi żgħar li huma gżejjer, bħal Malta, ingħatat ukoll prijorità waqt id-diskussjonijiet, filwaqt li l-mexxejja rrikonoxxew il-problemi globali tal-insigurtà tal-ikel u tal-enerġija.

“Il-jumejn ta’ laqgħat taċ-CHOGM kienu intensivi iżda importanti għaliex kien hemm ftehim wiesa’ bejn l-54 pajjiż tal-Commonwealth, li inkluda l-approvazzjoni ta’ żewġ membri oħra, it-Togo u l-Gabon”, sostna d-Deputat Prim Ministru. Dan filwaqt li kienet ikkonfermata l-Barunessa Patricia Scotland, li ġiet ri-eletta bħala Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth għas-sentejn li ġejjin.

Kemm waqt il-laqgħa tal-Kapijiet tal-Gvernijiet u kif ukoll permezz tal-istqarrija finali, intwera rikonoxximent għall-pajjiżi membri li urew solidarjetà waqt il-pandemija permezz ta’ donazzjonijiet tal-vaċċin, ewlenin fosthom pajjiżna, li ta mas-700,000 doża tal-vaċċin lill-pajjiżi oħra membri fil-Commonwealth.

Waqt l-istess ġimgħa ta’ laqgħat f’Kigali, id-Deputat Prim Ministru indirizza wkoll il-Commonwealth Business Forum fejn tkellem dwar dak li d-dinja tgħallmet waqt il-pandemija, b’referenza partikolari għall-esperjenza ta’ Malta. Huwa aċċenna fuq l-importanza li l-istati kollha madwar id-dinja jkollhom aċċess ekwu għall-mediċini u dwar l-importanza ta’ koperazzjoni bejn il-pajjiżi żgħar sabiex jingħelbu sfidi relatati maċ-ċokon tal-pajjiżi.

Id-Deputat Prim Ministru Fearne organizza wkoll attività dwar ir-reżistenza għall-antibijotiċi, f’isem il-Global Leaders Group, li ġabret flimkien għadd ta’ mexxejja flimkien ma’ esperti mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u organizazzjonijiet internazzjonali li qed jaħdmu fuq dan is-suġġett. Hawn intqal li din hi problema, li minbarra timpatta saħħet il-bniedem, tolqot ukoll saħħet l-annimali, il-pjanti u tipperikola l-ambjent u s-sigurtà tal-ikel. Waqt din il-laqgħa saru skambji tal-esperjenzi diversi ta’ pajjiżi li diġà qegħdin jesperjenzaw dan il-fenomenu, li bħalissa qiegħed jikkontribwixxi għal madwar ħames miljun mewt fis-sena, numru li mistenni jiżdied fis-snin li ġejjin. Il-mexxejja għarfu l-bżonn li tittieħed azzjoni konġunta minn issa sabiex is-sitwazzjoni ma tiggravax.

Sport