Skejjel madwar l-Italja kollha rċevew theddid dwar bombi għat-tieni jum konsekuttiv. Dan it-theddid ikkaġuna paniku kbir u wassal għal evakwazzjonijiet sħaħ ta’ istudenti.
Madwar 3,778 skola, minn Milan fit-tramuntana tal-pajjiż sa Sqallija fin-nofsinhar, irrappurtaw theddid simili għal dak ta’ nhar l-Erbgħa li kkawża kaos sħiħ għalkemm ma nstab l-ebda apparat splussiv.
Il-gvern tal-Prim Ministru Giorgia Meloni filwaqt li ħabbar li se jfassal azzjonijiet speċifikament għas-settur biex jgħin lil dawk li qed jiffaċċjaw dan it-tip ta’ theddid, ta parir lill-iskejjel biex fin-nuqqas ta’ evidenza u provi konkreti, il-bini tal-iskejjel m’għandux jiġi evakwat. Skont l-awtoritajiet, b’differenza mill-jum ta’ qabel, nhar il-Ħamis ġew evakwati 77 skola biss.
Nhar l-Erbgħa, anki diversi skejjel fl-Iskozja u fl-Irlanda ta’ Fuq irċevew theddid bħal dan, għa;kemm mhuwiex ċar jekk dawn l-inċidenti simili fl-iskejjel Taljani u Skoċċiżi humiex relatati ma’ xulxin.
Il-Ħamis, allarm dwar bomba fi stazzjon tal-ferrovija f’Calais wassal għal ittardjar fis-servizzi ferrovjarji internazzjonali u nazzjonali fit-tramuntana ta’ Franza.
Dawn l-aħħar inċidenti jsegwu sensiela ta’ theddidiet foloz dwar tqegħid ta’ bombi, li seħħew il-ġimgħa li għaddiet kontra ajruporti u linji tal-ajru f’diversi pajjiżi tal-kontinent Ewropew.
Grupp estremista li jobgħod lin-nisa ħa r-responsabbiltà għal uħud minn dawn it-theddidiet, iżda aktar tard ċaħad li kellu xi rabtiet ma’ dawn it-twissijiet foloz.
It-theddida ta’ nhar l-Erbgħa – mibgħuta lil 6,300 minn total ta’ 7,476 skola statali Taljana – jingħad li kienet ġejja minn ċertu “Mikhail Andropov, mexxej ta’ Vilayat di Misoginistan”. Xi uffiċjali jgħidu li din oriġinat mit-Tajwan.
Messaġġ simili, mibgħut lill-iskejjel Taljani nhar il-Ħamis u ffirmat ukoll minn Mikhail Andropov, jingħad li ntbagħat mill-“account” ta’ għalliem fil-Filippini li huwa maħsub li l-account ġie aċċessat illegalment (hacked).
Madankollu, ħafna ġenituri huma mħassba u ilhom jitolbu lill-gvern biex jipprovdi ċarezza u jieħu azzjoni. Il-gazzetta La Repubblica irrapporta li saru protesti kontra deċiżjoni meħuda mid-direttriċi ta’ skola sekondarja f’Ruma, li ma ħadet l-ebda azzjoni għaliex indunat li l-messaġġ ta’ theddid kien fih żbalji fl-ittri u, għalhekk, kien “falz”.
Skont il-gazzetta, dawk li qed jipprotestaw qed jitolbu li jinħarġu linji gwida nazzjonali ġodda.




