PARIS ST-GERMAIN …….2
ARSENAL ……………………1
(Agg: Paris SG 3-1)
Paris St-Germain se jikkontestaw il-finali tal-UEFA Champions League kontra Inter meta fit-tieni leg tas- semi-finali għelbu lil Arsena bl-iskor ta’ 2-1 biex ikkwalifikaw b’aggregate ta’ 3-1.
Appena għaddew tliet minuti, Arsenal resqu viċin li jiftħu l-iskor iżda mill-cross ta’ Jurrien Timber, Declan Rice bir-ras xeħet barra minn qagħda ideali. Minuta wara, il-goalkeeper ta’ Paris St Germain, Gianluigi Donnarumma kien providenzjali meta salva bi tbatija x-xutt ta’ Gabriel Martinelli.
Fis-seba’ minuta, reġa’ kien Donnarumma li ċaħħad lil Martin Odegaard milli jiftaħ l-iskor għal Arsenal.
Peró, il-Pariġini għamlu reazzjoni u fil-15-il minuta laqtu l-mimduda permezz ta’ xutt imdawwar ta’ Khvicha Kvaratskhelia.
Fis-27 minuta huma fetħu l-iskor meta minn azzjoni ta’ free-kick Fabian Ruiz ħeles minn Martinelli u b’xutt minn tarf il-kaxxa għeleb għal kollox lil David Raya.
Iżda, minuta wara l-istess Raya dawwar f’corner it- tentattiv ta’ Kvaratskhelia li kien destinat għal ġox-xibka.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Arsenal ippruvaw joħorġu fuq l-offensiva iżda ma setgħux isibu r-ritmu minħabba li quddiemhom sabu team li beda jikber fil-kunfidenza minħabba l-vantaġġ doppju li kellu b’aggregate.
Peró, fit-62 minuta, il- Gunners heddew minn Bukayo Saka li mmira lejn ir-rokna tas-saqaf tax-xibka iżda Donnarumma salva b’mod impekkabbli.
Fid-69 minuta, il-Franċiżi fallew ċans tad-deheb li jirduppjaw meta ngħataw penalty iżda l-goalkeeper Raya salva x-xutt ta’ Vitinha mill-11-il metru.
Madankollu, tliet minuti wara, Achraf Hakimi patta għal dan in-nuqqas meta skorja għall-Pariġini b’xutt imdawwar.
Peró, fis-76 minuta, Arsenal naqqsu l-marġni tal-iskor meta Bukayo Saka approfitta minn indeċiżjoni fid-difiża avversarja u kien pront tefa’ l-ballun fix-xibka.
Erba’ minuti wara, l-istess player kien ħati li ma kisibx id-draw għal Arsenal meta falla l-mira minn quddiem il-lasti.
Is-suffara finali ġabet magħha ċelebrazzjonijiet kbar mill-Pariġini.