Sunday, December 22, 2024

PARLAMENT B’VUĊI IKTAR ŻAGĦŻUGĦA

Aqra wkoll

Il-proċess elettorali mistenni jkompli llum meta se jsiru l-elezzjonijiet każwali tal-Partit Nazzjonalista biex jimtlew is-siġġijiet li ġew vakati minn dawk eletti minn żewġ distretti. Dan wara li l-Ħamis li għadda, ġew eletti tmien kandidati oħra fil-Parlament, b’nofshom ikunu nisa, fl-elezzjonijiet każwali tal-Partit Laburista.

Il-proċess f’dawn l-elezzjonijiet huwa aktar effiċjenti u dan billi għall-ewwel fis-sistema elettorali tagħna ġiet introdotta sistema elettronika li hija aktar preċiża u tagħti riżultat fl-iqsar żmien possibbli. Għalhekk ta’ min ifaħħar din l-inizjattiva min-naħa tal-Kummissjoni Elettorali.

Fl-elezzjonijiet każwali tal-Ħamis spikka l-element żagħżugħ li mistenni jagħti enerġija ġdida fil-ħidma Parlamentari li se tibda fil-ġimgħat li ġejjin. Interessanti wkoll li sitta mit-tmien kandidati eletti kienu wċuħ ġodda, filwaqt li tlieta minnhom kienu qed iservu bħala Sindki ta’ lokalitajiet f’Malta. 

Dan minnu nnifsu jibgħat messaġġ ċar ta’ dak li l-poplu Malti u Għawdxi, li huwa sovran, jixtieq jara fil-kandidati li jkunu eletti fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Messaġġ ta’ politika li ma tiħdokx fil-passat, iżda li tħares lejn il-futur, b’ideat ġodda li kapaċi jwasslu għal Malta aħjar. 

Ma’ dan wieħed irid iżid ukoll il-mekkaniżmu korrettiv li se jwassal għal aktar bilanċ bejn is-sessi fil-Parlament. Dan wara li l-proċess tal-elezzjonijiet każwali jkun intemm miż-żewġ partiti.

F’dan l-ambitu, nittamaw li dawk kollha li jkunu se jkunu rappreżentanti tal-poplu fil-Parlament jinfatmu mil-lingwaġġ offensiv u jkunu aktar fid-diskorsi tagħhom Parlamentari. Għax b’hekk jingħata eżempju lill-poplu kollu li jwassal biex tittaffa l-polarizzazzjoni u l-qasma politika f’pajjiżna.

Nittamaw ukoll li d-Deputati ġodda tal-Oppożizzjoni jibdew jitkellmu  u jagħfsu fuq kwistjonijiet li jolqtu direttament lin-nies u jabbandunaw il-politika tal-firda li ħafna drabi għamlet aktar ħsara milli ġid lill-istess Oppożizzjoni.

Dan qed ngħiduh għax nemmnu bis-sħiħ li minbarra Gvern sod, il-pajjiż jixraqlu ukoll Oppożizzjoni soda għax b’hekk biss tissaħħaħ mhux biss id-demokrazija f’pajjiżna imma wkoll il-ġid soċjali u ekonomiku tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Ekonomija

Sport