Friday, November 15, 2024

Parteċipazzjoni b’saħħita fit-tellieqa Hudson Race Series ġewwa Burmarrad 

Aqra wkoll

Dillon Cassar, Josann Attard Pulis jirbħu t-tellieqa 10km; Clayton Abela, Rosalie Borg Cauchi jirbħu t-tellieqa tal-5km. 

Mill-bidu tagħha, l-Hudson Race Series Burmarrad Edition kisbet popolarità, u għal darb’oħra attirat folla kemm għar-rotot tat-tiġrija ta’ 5km kif ukoll ta’ 10km.

Tellieqa 10km

Dillon Cassar mar fil-vantaġġ mill-ewwel, fuq quddiem ta’Charlton Debono u Mark Herrera. Warajhom Aaron Mifsud u Matthew Xuereb ġrew għonq ma’ għonq. Il-vantaġġ ta’ Cassar kompliet sal-aħħar biex rebaħ it-tellieqa. Debono u Herrera kisbu t-tieni u tielet post rispettivament. 

It-tiġrija tan-Nisa intrebħet mill-veterana Josann Attard Pulis. Viċin warajha kienet Marija Cumbo li segwiet lil Attard Pulis fuq il-podju fit-tieni post, filwaqt li t-tielet post ittieħdet minn Veronika Keryste.  

Tellieqa 5km

Clayton Abela kiseb l-ewwel rebħa fis-Serje, fejn spiċċa seba’ sekondi b’distakk fuq James Sciriha. Jonathan Balzan kiseb it-tielet post, żewġ sekondi biss wara Sciriha.

Fit-tellieqa tan-nisa, Rosalie Borg Cauchi ħadet ir-rebħa, b’Tara Abdilla u Charyl Fava jingħaqdu magħha fuq il-podju wara wirjiet b’saħħithom.

Qabel il-bidu tat-tiġrija, id-Direttur tat-Tlielaq Charlie Demanuele mexxa minuta silenzju bħala ġieħ lil Jake Vella, atleta ta’ 15-il sena, li sfortunatament miet ftit jiem qabel ma saret it-tellieqa.  

Fi tmiem it-Tlielaq ġew ippreżentati Premjijiet u Trofei lir-rebbieħa tal-Gruppi ta’ Età minn Charlie Demanuele li rringrazzja lil Hudson Group u Nike għall-appoġġ kontinwu tagħhom lejn is-Serje tat-Tlielaq.  Kompla jirringrazzja lil Transport Malta, lill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, lill-uffiċjali u lill-voluntiera li għenu f’din il-ġurnata. 

L-aħħar tiġrija tal-2024 Hudson Race Series se ssir fit-8 ta’ Diċembru u se ssir fil-Belt Valletta.

Ekonomija

Sport