Sunday, December 22, 2024

PARTIT B’SAĦĦTU WARA ROBERT ABELA

Aqra wkoll

Tafu tajjeb daqsi li biex tiskonġra trid tkun pur. In-Nazzjonalisti għal darb’oħra qegħdin jitilfu ċ-ċans li jkunu partit politiku li jaspira li jista’ jkun fil-Gvern. Dan għax minflok jgħidulna fhiex jemmnu u x’inhi l-viżjoni tagħhom, imbarkaw kampanja biex jattakkaw lill-Partit Laburista u jivvintaw stejjer li aħna tal-Laburisti ninsabu maqsumin. Dan meta huma qegħdin fl-istess sitwazzjoni ta’ ġlied u firda. Il-veru każ tal-ispiżjar milli jkollu jagħtik.

Dan l-aħħar jiem reġgħu irrepetew l-agġenda għal darb’oħra biex jivvintaw stejjer li bejnietna hemm il-klikek u li ma nħdmux flimkien. Ħa nserraħ ras kulħadd f’sentenza waħda mill-esperjenza tiegħi personali: Dan mhu veru xejn, għax fil-ħidma politika tiegħi ta’ kuljum naħdem viċin ħafna ma’ dawk kollha li lkoll flimkien nagħmlu Partit u Gvern Laburista – mill-kbir saż-żgħir – minn Robert Abela nnifsu sal-iżgħar delegat. Kollha flimkien naħdmu f’sinerġija wara l-Mexxej tagħna Robert Abela b’lealtà assoluta lejh u lejn il-poplu Malti u Għawdxi.

Il-bogħod mill-esperjenza personali dan kollu jidher bil-fatti għax il-ħidma tagħna qed tfisser bil-fatti għax tinħass f’kull settur u mmirata lejn kull faxxa tas-soċjetà. Ninsabu f’pandemija u lkoll nafu kif il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne imbarka l-forzi tiegħu kollha sabiex assigurajna li jkollna livell għoli ta’ servizz tas-saħħa. Ir-ritmu li biegħ imxejna fit-teħid tal-vaċċin huwa eżempju wieħed. Imbagħad ridna nsibu bilanċ bejn is-saħħa li tajnieha prijorità mal-ekonomija, sabiex nissalvagwardjaw il-postijiet tax-xogħol u nixprunaw l-ekonomija tal-pajjiż li tista’ ssostni wkoll lill-istess sahha.

Bħalissa wkoll għaddejja ħidma bla waqfien fil-preparazzjoni tal-budget, fejn il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana diġa tana x’nifhmu li se jkun budget tajjeb u serħilna rasna li mhux ser ikun fih taxxi ġodda. Dan ser ikun qiegħed jgħin biex infasslu politika aħjar lejn min l-iktar li qiegħed ibati. Lejn dawk il-familji li għandhom dħul baxx, lejn il-persuni b’diżabilità, kif ukoll persuni oħra li għandhom bżonn l-għajnuna għax huma vittma ta’ xi vizzju.

Il-ġimgħa l-oħra ddedikajt l-artiklu tiegħi lejn l-edukazzjoni u anke hawn għal darb’oħra dan il-Gvern qiegħed jipprepara lejn sena skolastika ġdida. Flimkien qegħdin naħdmu lejn edukazzjoni b’mod aktar wisa’ fejn ninkludi attivitajiet ekstrakurikulari li jinvolvi l-isports u arti fost l-oħrajn. 

Ma’ din il-ħidma kollha hemm xogħol ieħor tanġibbli u li jidher madwarna. Għadna għaddejjin bi proġetti infrastrutturali fejn qegħdin isiru ammont kbir ta’ toroq u tisbiħ taż-żoni fil-komunitajiet kif ukoll f’partijiet maġġuri bħal eżempju s-central link u ż-żona tal-ajruport. 

Qegħdin ukoll naħdmu fejn jidħol il-qasam tad-djar tal-Gvern fejn investejna 12–il miljun fl-aħħar tliet snin biex sar xogħol ta’ tisbiħ, installazzjoni ta’ liftijiet u manutenzjoni oħra. F’dan is-settur ħdimna fuq equity sharing, il-Home Deposit Scheme u r-riforma fil-liġi tal-kirjiet.

Fil-qasam tal-enerġija wkoll għaddejjin b’kampanji differenti li qed nibdlu l-mentalità tan-nies biex iħarsu iktar lejn ambjent sostenibbli u ngħarfu nużaw aħjar ir-riżorsi tagħna. Il-Gvern qiegħed dejjem jippromwovi iktar l-użu tal-enerġija nadifa u fl-aħħar jiem saret ħidma konġunta mal-għaqdiet sportivi li ibbenefikaw minn skema sabiex jinvestu f’teknoloġija avvanzata bl-inqas emissjonijiet possibbli.

U dan ix-xogħol kollu qiegħed jiġi rikonoxxut mill-poplu inġenerali mill-esperjenza tiegħi tal-home visits kif ukoll mis-sondaġġi li joħorġu minn żmien għal żmien. Però bil-fatti din il-ġimgħa rajna kumpanija lokali li b’fiduċja investiet €9 miljun biex tkabbar l-operat tagħha u tħares lejn swieq internazzjonali.

Din hija ħidma li kull Malti ġenwin jista’ jesperjenza u jħossha. Għalhekk in-Nazzjonalisti mhumiex kredibbli meta jipruvaw jagħtu stampa li aħna mifrudin. L-ewwel nett għax mhux vera bil-fatti. Kif tista’ tagħmel dan ix-xogħol kollu bi ħsieb u li flimkien joħloq l-istampa politika ta’ dan il-Gvern? Meta jkun hemm xenarju fejn minflok l-għaqda tirrenja l-pika, l-affarijiet ikunu ħafna iktar differenti. Dan għax l-enerġija tkun qed tinħela fil-battibekki minflok fi sforzi biex isir iktar xogħol. 

Proprju eżatt f’dak li qiegħed jiġri fil-Partit Nazzjonalista. Ġlied intern u battibekki li mill-aħħar elezzjoni l’hawn ma waqfux. L-ewwel neħħew lil Simon wara tkaxkira enormi, imbaghad ħasbu li jkun aħjar jekk imexxiehom xi ħadd minn barra u eleġġew lil Delia. Imbagħad daru kontrih u issa għandhom lil Bernard Grech fit-tmun. Sadanitant, kellhom kullana sħiħa ta’ riżenji minn karigi fi hdan il-Partit, Kunsilliera, Kunsilliera Lokali u anke kandidati. L-ġimgħa l-oħra smajna li anke mas-super kandidat Joe Giglio qed jaqbdu u jippruvaw jitfgħuh fil-ġenb. Dan għax jidher li sejjer tajjeb fid-distrett u jista’ jagħti l-każ li jekk ikun elett iħalli xi deputati tal-klikka barra mill-Parlament. 

Dan isegwi attakki insensati oħrajn b’numru ta’ deputati u esponenti tal-Partit Nazzjonalista li mhuwiex l-istil tieghi li nsemmi u nghin fil-propoganda t’assasinju tal-karattru bħal ma jafu jagħmlu n-naħa tal-Oppożizzjoni.

Fuq Facebook l-eks deputat Nazzjonalista, l-avukat Franco Debono għamel twissija serja ħafna lill-Partit tiegħu. Widdibhom li lanqas il-messaġġi tagħhom m’huma qed jaqblu għax jikkonflinġu ma’ xulxin minnflok jagħtu l-istess direzzjoni. Qallhom li ma kien hemm xejn ta’ sustanza għax komplew bin-narattiva żbaljata ta’ dawn l-aħħar sentejn fejn minflok il-Partit qiegħed joħroġ bl-aġenda tiegħu, qiegħed jissaportja ta’ ħaddiehor. 

Dan kollu jitfa’ iktar responsabilità fuqna l-Laburisti biex inżommu l-għaqda li diġa tirrenja bejnietna ħalli nkomplu naħdmu flimkien u ngħinu lil Robert Abela sabiex ikompli jwettaq il-vjaġġ politiku tiegħu. Tinsewx li l-aħjar żmien għadu ġej. Dan il-Prim Ministru wera bil-fatti li minkejja l-maltemp, kien kapaċi jieħu deċiżjonijiet iebsin li taw lil pajjiżna soluzzjonijiet. Bqajna għaddejjin f’ċirkustanzi mhux favorevoli u llum ninsabu lesti li hekk kif jgħaddi dan iż-żmien tal-pandemija, Malta tinsab lesta sabiex tirkupra dan iż-żmien u mmorru lura għal eċċellenza li konna mdorrijin biha taħt Gvern Laburista preċedenti. 

Il-futur huwa sabiħ u b’Robert Abela fit-tmun niggarantixxu s-serħan tal-moħħ għall-kwalità ta’ ħajja aħjar għas-snin li ġejjin.

Il-Ħadd it-Tajjeb.

Ekonomija

Sport