Tuesday, May 12, 2026

Partit Laburista bi pjan għas-settur tat-trasport li jdur mal-ħtiġijiet tan-nies

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela ħabbar sensiela ta’ miżuri li jindirizzaw is-settur tat-trasport. Huwa saħaq li  Partit Laburist fil-Gvern għandu pjan olistiku u fit-tul li jinċentiva l-bidla. 

Dr Abela spjega li Malta in motion huwa l-ewwel pjan olistiku ta’ trasport tax-xorta tiegħu għal pajjiżna, pjan li diġà beda jiġi implimentat. Qal li din is-sistema hija magħmula minn komponenti differenti li jikkumplimentaw lil xulxin. Huwa kompla jgħid li l-pjan jinkludi ukoll sistema ta’ rapid transport addattata għal pajjiżna, ippjanata sew, u li tiġi operattiva fuq medda ta’ 15-il sena.  

Irrimarka li Transport Malta diġà bdiet taħdem fuq app diġitali li tgħaqqad il-mezzi kollha ta’ trasport pubbliku u tagħtik it-traġitt kollu permezz tad-diversi sistemi ta’ trasport inkluż tal-linja, Y-Plates, ferries, sistemi ta’ micro-mobility bħaċ-ċikliżmu u eventwalment ir-rapid transport system. 

Dr Abela ħabbar li Gvern Laburista se jkompli jdaħħal aktar park & rides u shuttle buses li jieħduk anke sat-terminal tal-ferries. 

Ħabbar li fil-leġiżlatura li ġejja se tkun imnedija l-mobility wallet, pjattaforma diġitali li se tgħaqqad flimkien is-servizzi kollha tat-trasport pubbliku, u fiha  se jkollha sistema ta’ mobility credits. Credits li jinkisbu meta jintużaw mezzi ta’ trasport alternattivi li mbagħad jissarrfu meta jinxtraw prodotti u servizzi varji, fosthom trasport alternattiv privat. 

Il-Prim Ministru saħaq ukoll fuq il-ħtieġa li ssir reviżjoni bil-għaqal tan-network tar-rotot tal-linja. Reviżjoni li twassal biex jinżamm dak li hemm tajjeb filwaqt li tintroduċi rotot ġodda jew differenti skont il-ħtieġa. Huwa kompla jgħid li iktar rotot se jkunu qed jilħqu ċ-ċentri tagħna b’karozzi tal-linja iżgħar u iktar frekwenti. Dan flimkien ma’ servizzi li jaħdmu iktar puntwali u jaslu fil-ħin biex jilħqu s-servizzi tat-trasport bil-baħar u eventwalment ir-Rapid Transit System.

Dr Abela ħabbar ukoll li Gvern Laburista jkompli jżid l-vetturi elettriċi fil-flotta tat-trasport pubbliku sakemm eventwalment din tinqaleb kollha. Huwa qal dan hekk kif tenna li sa din is-sena l-pjan hu li tkun inqalbet għall-elettriku l-flotta kollha ta’ Għawdex. 

Tenna li n-network ta’ fast ferries se tkompli tespandi u nnota kif diġà beda x-xogħol biex tgħaqqad ukoll ma’ Marsaskala filwaqt li se jiġu estiżi ukoll il-ħinijiet.

Ħabbar li l-Manifest Int Malta jinkludi inizjattivi biex jiżdiedu l-ispazji ta’ parkeġġ anke fejn hemm proġetti ta’ spazji miftuħa, u dan billi l-parkeġġ isir taħt l-art u l-ispazju miftuħ fuq. Semma li diġà ħarġet sejħa minn Transport Malta biex jintużaw parkeġġi ta’ entitajiet privati li s-soltu jkunu magħluqa bil-lejl.

Il-Prim Ministru qal li Gvern Laburista se jkun qed iħares ukoll lejn soluzzjonijiet li jgħinu lir-residenti f’ħinijiet partikolari. Huwa qal li flimkien mar-residenti, il-kunsilli lokali u l-komunità kummerċjali, se jkun qed jinbdew proġetti biex jiġu studjati l-bżonnijiet ta’ kull lokalità u jintroduċu residents parking scheme bl-għan li jagħmlu l-ħajja tar-residenti aktar faċli. Enfasizza li dan il-mudell ma huwa assoċjat bl-ebda mod ma’ sistema ta’ parkeġġ bi ħlas.

Dr Abela ħabbar li se jkun qed jitneħħa l-ħlas relatat mal-liċenzja tal-muturi li l-magna tagħhom ma tkunx akbar minn 350cc. Fl-istess ħin l-inċentiv li jingħata sabiex wieħed jixtri e-bike se jiġi rdoppjat għal €1,300 għal żgħażagħ li jkollhom bejn sittax u tmintax-il sena. 

Semma li miżura oħra se tkun qed tara li mill-2029 ’il quddiem kull vettura ġdida li se tintuża għall-ġarr tal-passiġġieri inkluż karozzi tal-kiri, trid tkun elettrika jew hybrid. 

L-investiment qawwi fin-network ta’ toroq f’pajjiżna se jkun qed jitkompla bi proġetti ppjanati għas-snin li ġejjin li jinkludu dak tal-junction tal-Barrani/Bir id-Deheb, il-junction ta’ Paceville, il-junction ta’ Ħal Qormi u titjib fil-junction ta’ Burmarrad. 

Biex jitnaqqas l-impatt tal-mewġ fil-Port il-Kbir, Partit Laburista fil-Gvern se jkun qed jinvesti €55 miljun għal breakwater ġdid f’Sant Iermu. Fil-Port il-Kbir beda b’suċċess l-implimentazzjoni tax-shore to ship, proġett li se jkompli jiġi estiż fi nħawi oħra tal-Port il-Kbir u anke fil-Port Ħieles. 

Dr Abela qal li f’Marsaxlokk se ssir manutenzjoni fuq il-breakwater li jinsab fuq in-naħa ta’ Delimara u jiġi mtawwal sabiex jipprovdi aktar kenn lill-bastimenti fil-port.

Innota ukoll li bħala parti mill-Viżjoni Malta 2050 Gvern Laburista jkun qed jirriġenera l-Port il-Kbir permezz ta’ pjan iffukat fuq 4 żoni differenti – pjan li se jkun qed jibda jitwettaq mill-menqa ġewwa l-Marsa u Customs House. 

Il-Prim Ministru rrimarka li waħda mill-miri ewlenin tal-manifest Int Malta hija li tissaħħaħ il-konnettività ta’ Għawdex b’aktar minn 25%. Wiegħed li se jkun hemm investiment sostanzjali  biex ikollna flotta kompletament ġdida għall-Gozo Channel, inkluż vapur tal-merkanzija. Żied jgħid li wara t-tlestija tal-air strip se jkun qed jiġi introdott is-servizz ta’ air taxi bejn il-gżejjer. 

Huwa qal li Gvern Laburista żied il-links bil-fast ferry u se jkomplu jżidhom, waqt li se jkun qed itejjeb l-infrastruttura tal-port tal-Imġarr u ta’ Marsalforn. Dan filwaqt li se jkun introdott is-servizz tal-linja on demand anke f’Għawdex. 

Il-Prim Ministru temm jgħid li Partit Laburista  għandu pjan għat-trasport pubbliku li jħaddan elementi li jduru mal-ħtiġijiet tan-nies.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett qal li l-miżuri mħabbra llum m’humiex biss sett ta’ proposti elettorali imma juru viżjoni fit-tul li diġà bdiet titwettaq. Huwa qal li fl-aħħar snin Gvern Laburista investa aktar minn elf miljun ewro fl-infrastruttura u t-trasport, investiment li jinkludi proġetti li l-poplu kien qata’ qalbu li xi darba se jsiru, u li Gvernijiet Laburista wettaqhom. 

Il-Ministru Bonett qal li l-Parit Laburista qed jagħti direzzjoni ċara għal pajjiż modern, konness u ppreparat għall-ġenerazzjonijiet ta’ għada. Pajjiż li ma jiddejjaqx jaffronta l-isfidi u jwettaq soluzzjonijiet għall-mobbiltà u l-infrastruttura ta’ għada.

Min-naħa tiegħu l-kandidat tal-Partit Laburista Carlos Zarb qal li Gvern Laburista se jkompli jinċentiva lin-nies u mhux jitfa’ piż żejjed fuq il-familji. Huwa qal dan anke b’referenza għal numru t’inċentivi mħabbra u li se jwasslu biex in-nies jużaw trasport alternattiv. 

Carlos Zarb saħaq li l-pilastru ewlieni jibqa’ li jkollok ekonomija b’saħħitha li tista’ taffordja li tinvesti biex ittejjeb is-servizzi għaċ-ċittadini u b’hekk twassal għal titjib fil-kwalità ta’ ħajja aħjar għall-familji u żgħażagħ tagħna. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport