Saturday, May 18, 2024

Partita ta’ ħbiberija: Gowl fil-ħin miżjud jagħti draw meritat lil Malta Veterans kontra All Stars Sicilia

Aqra wkoll

Malta Veterans u All Stars Sicilia spiċċaw fi draw ta’ 2-2 f’partita internazzjonali ta’ ħbiberija li ntlagħbet fil-Luxol Stadium.

Il-veterani Maltin inkludew fl-iskwadra xi plejers li xi darba kienu jilagħbu mat-tim nazzjonali fosthom il-gowlkiper Mario Muscat, id-difensur Brian Said, il-midfielders offensivi Andrew Cohen u Shaun Bajada u l-eks skorer prolifiku Stefan Sultana.

It-tim minn Sqallija kien magħmul minn kummentaturi tat-televiżjoni, preżentaturi, mudelli u anke eks-plejers tas-serie A fosthom l-eks plejer ta’ Juventus Davide Baiocco u l-eks gowlkiper ta’ Inter Armando Pantanelli.

All Stars Sicilia kienu dejjem fil-vantaġġ għalkemm il-Maltin dejjem kienu kapaċi jirribattu sabiex kisbu draw meritat.

Kienu l-Isqallin li marru minn fuq mal-20 minuta logħob permezz ta’ Lino Signorelli li b’xutt fil-baxx għeleb lil Mario Muscat.

Il-Maltin ġabu l-iskor indaqs qabel tmiem l-ewwel taqsima wara li t-tentattiv ta’ Andrew Cohen ġie salvat minn fuq il-linja minn Guglielmino sabiex mir-rebound, kien Stefan Sultana li xeħet ġewwa.

Bl-ewwel taqsima tagħlaq 1-1.

Fit-tieni taqsima, il-Maltin kienu aħjar u ħolqu diversi ċansijiet lejn il-lasti ta’ Riccardo Urzi.

Madankollu kienu All Stars Sicilia li reġgħu skorjaw meta wara kontrattakk veloċi, Armando Pantanelli ssorprenda lid-difiża Maltija u b’xutt fil-baxx għamilhom 2-1.

Malta Veterans ma qatgħux qalbhom u ġabu l-iskor indaqs eżatt qabel is-suffara finali wara awtogowl ta’ Maurizio Mirenda li b’daqqa ta’ ras xeħet il-ballun fix-xibka tiegħu stess.

Skor Finali: Malta Veterans 2 All Stars Sicilia 2

Referi kien Vladimir Rizoski.

Sport