Sunday, December 29, 2024

Partita ta’ ħbiberija: Il-Maltin idawru telfa f’rebħa kontra l-Iżrael

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

MALTA …………2

IŻRAEL ……….1

Żewġ goals f’żewġ minuti taw rebħa meritata lil Malta meta f’partita ta’ ħbiberija għelbu lill-Iżrael bl-iskor ta’ 2-1.

Kienet rebħa meritata hekk kif f’din il-logħba l-Maltin urew personalitá u karattru li għarfu jdawru telfa f’rebħa.

It-team Malti kien fir-res­ponsabbiltá tal-assistent coach, Davide Mazzotta, minħabba li l-coach nazzjo­nali, Devis Mangia, kien temporanjament sospiż mill -Malta FA.

Fir-raba’ minuta, il-Maltin heddew meta Bjorn Kristensen għadda through pass lejn Jurgen Degabriele li daħal fil-kaxxa iżda ġie antiċipat fil-ħin minn Maron Ghantus u Raz Shlomo.

Wara din l-azzjoni kien fil-21 minuta li waslet l-ewwel azzjoni perikoluża meta mill-free-kick ta’ Bibras Natcho, Omri Altman indirizza l-ballun lejn il-lasti Maltin iżda sab lil Henry Bo­nello attent.

Minuta wara, Shaun Dimech żmarka lil Degabriele iżda kien senjalat f’pożizzjoni marġinali ta’ offside. Fis-26 minuta, Jan Busuttil ġab lil Dimech f’pożizzjoni ideali iżda dan tal-aħħar naqas li jżomm il-ballun.

Fid-29 minuta, konna sfortunati li ma ftaħniex l-iskor meta Ryan Camenzuli qata’ lid-difiża bi cross fil-baxx fejn Shaun Dimech kien ġej bil-ġirja u x-xutt imkaxkar tiegħu ħabat ma’ sieq il-lasta bil-goalkeeper Ofir Mar­ciano megħluba għal kol­­lox.

Iżda minuta wara, l-Iżrael ingħataw penalty meta Steve Borg għamel kuntatt mi­nimu ma’ Denny Gropperiżda u laqtu bil-minkeb. Mill-11-il metru, Bibras Natcho xeħet fix-xibka b’xutt pjuttost ċentrali. Fil-41 minuta, Dimech ħarab fuq ix-xellug iżda ġie antiċipat fil-ħin minn Shlomo.

It-tieni taqsima fetħet b’attakk korali tal-Maltin b’Jodi Felice Jones jara x-xutt qawwi tiegħu jiġi salvat mill-goalkeeper sostitut, Yoav Jarafi.

Fl-54 minuta, azzjoni bejn Dimech u Matthew Guillaumier spiċċat b’dan tal-aħħar jixħet għoli. Żewġ minuti wara, Felice Jones żmarka għal kollox lil Dimech li minn pożizzjoni djagonali falla l-mira kompletament. 

Fit-62 minuta, Mbong ir­ċieva mingħand Teddy Teuma f’nofs il-ground, avvanza … dar ma’ tliet difensuri iżda l-konklużjoni tiegħu ġiet salvata b’sieq il-goalkeeper.

Fit-78 minuta, erġajna ersaqna viċin meta d-daqqa ta’ ras ta’ Alexander Satariano, li kienet destinata għal ġewwa, ġiet salvata minn Jarafi. Minuta wara, reġa’ kien Jarafi providenzjali għall-Iż­rael li salva fuq Camenzuli minn taħt il-lasti.

Iżda fil-85 minuta, il-Maltin meritatament kisbu d- draw meta Ferdinando Apap xeħet lejn Jones li avvanza u żmarka għal kollox lil Alex Satariano li b’lasti vojta ddepożita l-ballun fix-xibka. U fis-87 minuta l-istess Ferdinando Apap ta r-rebħa lil Malta minn daqqa ta’ ras mill-corner ta’ Teddy Teuma.

MALTA: 1-Henry Bonello, 3-Ryan Camenzuli, 4-Steve Borg (2-Ferdinando Apap 60), 5-Jean Borg (9-Luke Montebello 78), 6-Matthew Guillaumier, 7-Joseph Mbong, 10-Jurgen Degabriele (18-James Brown 46), 13-Enrico Pepe, 19-Bjorn Kristensen (17-Teddy Teuma 60), 21-Shaun Dimech (14-Alexander Sata­riano 71) , 24-Jan Busuttil (20-Jodo Felice Jones 46)  – Coach: Davide Mazzotta

IŻRAEL: 18-Ofir Marciano (1-Yoav Jarafi 46), 3-Maron Ghantus (15-Guy Badash 74), 4-Raz Shlomo, 6-Bibras Natcho (19-Shay Elias 66), 8-Goni Naor, 9-Shon Weissman (7-Guy Melamed 58), 10-Omri Altman, 11-Rotem Hatuel, 14-Or Dadia (2-Eliazer Dasa 57), 21-Tai Baribo (15-Itamar Shviro 57), 22-Denny Gropper – Coach:  Alon Hazan

REFEREE: Eldorjan Hamiti (Albanija)

ASS. REFEREES: Ridiger Cokaj, Ilir Tartaraj (Albanija)

RABA’ UFF: Trustin Farrugia Cann (Malta)

SKORERS: B. Natcho 32 (I); A. Satariano 85, F. Apap 87 (M)

AMMONITI: S. Borg, E. Pepe (M); G. Naor, B. Natcho, S. Elias, G. Badash (I)

Ekonomija

Sport