Monday, May 20, 2024

Il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew twiegħed li se tiġġieled l-inflazzjoni

Aqra wkoll

Meta kienet qed tindirizza l-Parlament Ewropew nhar it-Tnejn li għadda wara nofsinhar, il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) Christine Lagarde ħabbret żidiet futuri fl-imgħax. Hija ħabbret dan filwaqt li l-membri parlamentari ewropej esprimew tħassib tagħhom dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel u r-rati għoljin fuq self għal xiri ta’ djar.

Dik ta’ nhar it-Tnejn kienet it-tielet seduta din is-sena li l-MEPs fil-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji kellhom ma’ Christine Lagarde fejn it-tema ewlenija li ġiet diskussa kienet dwar kif tiġi evitata l-frammentazzjoni bejn l-istati membri u t-tnaqqis tal-inflazzjoni b’mod uniformi fiż-żona tal-euro. 

Il-MPE ffukaw fuq skjerament ippjanat tal-Istrument għall-Protezzjoni tat-Trażmissjoni, (TPI) li għandu l-għan li jiżgura li l-politika monetarja tal-Bank Ċentrali Ewroppew tiġi applikata b’mod effettiv fil-membri kollha taż-żona tal-euro biex tiġi żgurata l-istabbiltà tal-prezzijiet.

Il-parlamentari Ewropej staqsew kif il-Bank Ċentrali se jiddeċiedi l-eliġibilità ta’ pajjiż għax-xiri tal-assi u staqsew jekk ix-xiri tad-dejn ta’ pajjiżi b’dejn kbir jistax iqanqal aktar l-inflazzjoni. Lagarde qalet li t-TPI hija maħsuba biex tiżgura li l-politika monetarja tal-BĊE tiġi implimentata kif suppost, permezz ta’ azzjoni mmirata f’pajjiżi li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà bħall-konformità mal-qafas fiskali tal-UE, assenza ta’ żbilanċi makroekonomiċi severi u dejn pubbliku sostenibbli.

Fost żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel kif ukoll żidiet fir-rati tal-imgħax, il-MPE staqsew dwar l-inflazzjoni ta’ nofs it-terminu u l-prospetti tat-tkabbir, iż-żidiet antiċipati fir-rati, kif ukoll azzjoni possibbli kontra r-rati tal-imgħax fuq l-ipoteki li qed jogħlew.

Il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew enfasizzat l-ambjent estremament ta’ sfida u l-inċertezza fil-projezzjonijiet tal-BĊE, b’aspettattivi varji ta’ inflazzjoni u riċessjoni ta’ nofs it-terminu. F’dan il-kuntest, saħqet li l-ġlieda kontra l-inflazzjoni hija essenzjali biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja. Fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet dwar iż-żidiet fir-rati, hija spjegat li għad irid isir aktar sakemm tinkiseb politika monetarja newtrali li la tistimula u lanqas tissikka l-ekonomija u ma tgħollix l-inflazzjoni.

Meta indirizza t-tħassib tal-MEPs dwar l-azzjonijiet tal-gvernijiet li jirriflettu l-politika tal-BĊE, il-President enfasizza l-ħtieġa għal miżuri temporanji, imfassla apposta u mmirati mill-istati membri biex jgħinu liċ-ċittadini vulnerabbli. L-aġenziji nazzjonali għandhom jieħdu azzjonijiet protettivi kontra ż-żieda fir-rati tal-imgħax fuq l-ipoteki u l-banek li jgħaddu l-ispejjeż tagħhom lil min jissellef, temmet tgħid Lagarde.

Sport