Wednesday, April 24, 2024

Partita ta’ ħbiberija: Il-Maltin ikomplu juru titjib

Aqra wkoll

Malta ….……0

Belarus …….0

Wara d-draw ta’ 2-2 kontra s-Slovenja ta’ nhar il-Ħamis li għadda, proprju l-bieraħ fit-tieni partita ta’ ħbiberija, it-team Malti spiċċa fi draw ta’ mingħajr goals kontra l-Belarus f’partita li stajna rbaħna.

Dan minħabba li min­kejja li l-avversarji tagħna jinsabu fil-100 post fir-rankings tal-FIFA, konna  territorjalment aħjar minnhom u ġejna wkoll imċaħħda mil-lasta.

Lil hinn mir-riżultat, fiż-żewġ logħbiet il-Maltin urew titjib konsiderevoli fil-wirjiet tagħhom bil-konsegwenza li l-futur jidher li se jkun wieħed pożittiv.

Kienu l-Maltin li ħarġu fuq l-offensiva u wara sitt minuti Carlo Zammit Lonardelli xeħet cross mil-lemin, bid-difensur ta’ Balerus, Denis Playakov, ixellef il- ballun fejn għal ftit ma  kkommettiex auto-goal iżda l-goalkeeper, Sergei Ignatovich, kien attent u salva kull periklu.

Il-players tagħna komplew jiddettaw il-logħob u tliet minuti wara, Kemar Reid dar tajjeb mad-difensur Pavel Zebelin u minn pożizzjoni angolata ra t-tentattiv teigħu jgħaddi jħak­kek ma’ sieq il-lasta.

Fis-16-il minuta, konna sfortunati li ma ftaħniex l-iskor meta f’azzjoni bejn żewġ players Furjaniżi, Zammit Lo­nardelli xeħet cross insidjuż fejn id-daqqa ta’ ras b’saħħitha ta’ Reid ħabtet mal-wieqfa.

L-avversarji kellhom jis­tennew sal-20 minuta biex ħolqu l-ewwel attakk tagħ­hom bl-azzjoni tintemm b’xutt ta’ Evgeni Yablonski mid-distanza li spiċċa ftit barra.

Żewġ minuti wara, kienu l-Maltin li reġgħu heddew il-lasti avversarji peró Ky­rian Nwoko falla l-mira.

Imbagħad, fit-23 minuta, b’xutt minn barra l-kaxxa, Nikolai Muscat ġiegħel lill- goalkeeper Ignatovich iwettaq save tajjeb.

Wara din l-azzjoni, ir-ritmu bħal donnu naqas biex il-logħob kien wisq konċentrat f’nofs il-ground sal-mistrieħ biex iż-żewġ goalkeepers rispettivi rari kienu im­­penjati.

Fit-tieni taqsima, il-Maltin komplew juru l-aħjar logħob iżda minkejja li gawdew mill-pussess tal- ballun ma setgħux jinfdu d- difiża ffullata tal-avversarji.

L-unika azzjoni tal-Belarus waslet fit-72 minuta meta l-free-kick ta’ Valeri Gromyko minn barra l- kaxxa ntemm għoli.

F’din it-taqsima, il-coach Michele Marcolini għamel bosta sostituzzjonjiet, li fil-veritá, ma ddiżappuntawx.

Iżda l-Maltin bħal donn­hom kien neqsin mill-artiklu komplet hekk kif bdejna naslu sa tliet kwarti ta’ ground mingħajr ma nikkonkludu.

Tliet minuti mit-tmiem, fallejna ċans tajjeb li niskor­jaw meta s-sostitut Nevin Portelli għadda tajjeb lejn Zach Muscat li minn qagħda ideali xxuttja dgħajjef biex ġie salvat mingħajr wisq tbatija mill-goalkeeper Ignatovich.

MALTA: 1-Henry Bonello (16-Rashed Al Tumi 46), 5-Kurt Shaw, 6-Matthew Gullaumier, 7-Joseph Essien Mbong (23-Myles Beerman 84), 9-Kemar Reid, 10-Enrico Pepe, 14-Kyrian Nwoko (24-Nevin Portelli 65), 17-Nikolai Muscat (21-Brandon Paiber 65), 19-Yannick Yankam, 22-Zach Muscat, 25-Carlo Zammit Lonardelli (2-Cain Attard 65)   – Coach: Michele Marcolini

BELARUS: 1-Sergei Ignatovich, 2-Kiril Pechenin (21-Ilya Chemyak 77), 5-Denis Playakov, 6-Sergei Pollevich, 7-Danila Nechaev (13-Sergei Karpovich 46), 9-Max Ebong (17-Valeri Gromyko 59), 14-Evgeni Yablonski, (18-Kiril Kaplenko 46) 15-Mikita Korzun, 22-Pavel Zebelin, 24-Maxim Kiraev (20-Yegor Karpitski 84), 25-Artem Shumansky (10-Vladislav Morosov 59)   – Coach: Carlos Alos

REFEREE: Martin Dohal (Slovakkja)

ASS. REFEREES: Frantisek Ferenc, Dusan Stofik (Slovakkja)

RABA’ UFF: Alex Johnson (Malta)

SKORERS: Ħadd

AMMONITI: C. Zammit Lonardelli, B. Paiber (M), K. Pechenin, N. Korzun (B)

Sport