Pass ieħor importanti għall-proġett tat-tieni interconnector 

Aqra wkoll

Il-proġett tat-tieni interconnector tal-elettriku bejn Malta u Sqallija (IC2) għamel pass ieħor importanti bil-wasla, il-ġarr u l-installazzjoni tal-Auto Transformer u s-Shunt Reactors tal-proġett kemm f’Malta kif ukoll f’Ragusa, fi Sqallija. 

L-attività fi Sqallija bdiet fis-16 ta’ Lulju, meta l-Variable Shunt Reactor ta’ 240MVAr flimkien ma’ tagħmir ieħor relatat tniżżlu mill-bastiment tat-trasport fil-Port ta’ Pozzallo. Matul il-lejl ta’ wara, ix-Shunt Reactor inġarr lejn is-sit tal-proġett f’Ragusa, fejn bdiet mill-ewwel il-ħidma ewlenija tal-installazzjoni. Din tinkludi t-trasferiment tar-reattur minn modular trailer għal self-propelled modular transporter (SPMT), il-manuvrar tiegħu sas-substation u t-tqegħid tar-Reactor fuq il-pedament permanenti tiegħu.

Il-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Dr Miriam Dalli, qalet: “Dan il-pass jirrappreżenta kisba oħra importanti fit-twettiq tal-proġett tal-IC2. Il-wasla u l-installazzjoni b’suċċess tal-Auto Transformer u s-Shunt Reactors, kemm f’Malta kif ukoll fi Sqallija, huwa pass ewlieni lejn it-tlestija tal-infrastruttura ta’ din il-konnessjoni u jħejji t-triq għall-fażijiet li jmiss tal-proġett. Bħala investiment strateġiku ta’ importanza nazzjonali, l-IC2 ser jsaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku f’Malta, iżid ir-reżiljenza tan-netwerk nazzjonali, jiffaċilita l-integrazzjoni ta’ aktar sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u jikkontribwixxi għall-għanijiet fit-tul tal-pajjiż fil-qasam tal-enerġija u s-sostenibbiltà.”

F’Malta, il-ħatt mill-bastiment tal- Variable Shunt Reactor ta’ 120MVAr u t-tagħmir ieħor relatat tlesta ukoll. L-ewwel inġarr il-Variable Shunt Reactor lejn is-sit tal-proġett, segwit mill-ġarr tal- Auto Transformer ta’ 250MVA b’koordinazzjoni mill-qrib ma’ Transport Malta. Il-x-xogħlijiet għat-tqegħid fil-pożizzjoni permanenti u l-installazzjoni tar-reactor u t-transfrmer ser jitkomplew din il-gimgħa.

L-Inġinier ta’ Interconnect Malta, Inġ. Noel Darmanin, qal: “Dawn ix-xogħlijiet jinvolvu l-ġarr u l-installazzjoni ta’ tagħmir elettriku ta’ daqs u piż notevoli u jeħtieġu ippjanar metikoluż u koordinazzjoni kontinwa bejn il-kuntratturi speċjalizzati fit-trasport, l-operaturi tal-ġarr, l-Inġiniera, l-awtoritajiet tal-port, l-awtoritajiet tat-trasport u l-partijiet l-oħra kollha involuti sabiex kull fażi titwettaq b’mod sigur u effiċjenti. Nirringrazzjaw lill-awtoritajiet u lill-partijiet kollha involuti għall-appoġġ u l-kollaborazzjoni tagħhom, li kienu essenzjali biex din l-attività kumplessa titwettaq b’mod sigur u b’suċċess.”

Ladarba jidħol fis-servizz, il-proġett tat-tieni interconnector tal-elettriku bejn Malta u Sqallija ser jsaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku f’Malta, iżid ir-reżiljenza tan-netwerk nazzjonali tal-elettriku, ikabbar il-kapaċità tal-konnessjoni man-netwerk Ewropew u jkompli jiffaċilita t-tranżizzjoni tal-pajjiż lejn sistema tal-enerġija aktar nadifa u sostenibbli.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport