Sunday, December 22, 2024

Pass kbir minn Hibernians lejn ir-rebħ tat-titlu

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Fl-aqwa partita ta’ tmiem il-ġimgħa, Hibernians għel­bu lil Hamrun Spartans bl-iskor ta’ 1-0 biex saħħew posthom fil-quċċata tal-klassifika u fetħu vantaġġ ta’ disa’ punti fuq l-istess Spartans. 

Kollox ma’ kollox kienet partita li naqset milli tilħaq l-aspettattiva hekk kif iż-żewġ timijiet bħal donnhom bdew jibżgħu jirriskjaw u jkunu avventurużi.

Mas-16-il minuta, il-coach ta’ Hibernians Stefano Sanderra kien kostrett jeffettwa sostituzzjoni sfurzata meta weġġa’ l-player Ra­phael Dos Anjos biex minfloku daħal jilgħab id-­difensur Dunstan Vella. 

Madankollu fil-21 minuta Hiber­nians fetħu l-iskor permezz ta’ xutt mill-isbaħ ta’ JAKE GRECH mid-distanza li ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper Henry Bonello biex irriżulta goal tal-istampi, u bla dubju kontendent ewlieni għall-goal tal-istaġun.

U biex l-affarijiet ikompu ġejjin ħazin għall-Ispartans, fl-40 minuta, huma spiċċaw jilagħbu b’10 players meta tkeċċa Faissal El Bakhtaoui wara foul ta’ ritaljazzjoni fuq player avversarju.

U fil-ħin miżjud tal-ew­wel taqsima, Hibernians kellhom f’saqajhom il-ballun tat-tieni goal iżda Gab­riel Artiles minn taħt il-lasti tefa’ inkreddibilment għo­li, b’Hamrun jeħilsuha ħafif.

Fid-59 minuta Hiber­nians, tilfu cans tad-deheb li jirduppjaw l-iskor meta Jake Grech serva lil Jurgen Degabriele iżda minn pożizzjoni ideali tefa’ barra.

Wara din l-azzjoni, ir-ritmu naqas biex il-logħob kien konċentrat f’nofs il-ground. 

Fit-82 minuta, l-Ispartans wieġbu permezz ta’ xutt fil-baxx tas-sostitut Soufiane Lagzir li ġie salvat mill-goalkeeper Ibrahim Ko­ne biex prattikament din kienet l-aħħar azzjoni denja ta’ nota.

– Cristian Muscat

Ekonomija

Sport