Paul Galea kellu wirja eċċellenti fl-edizzjoni ta’ din is-sena tall-Prix des Rencontres Internationals du Trotteur Francais organizzat minn Le Trot ġewwa l-korsa ta’ Vincennes, f’Pariġi Franza. L-assoċċjazzjoni Franċiża żammet l-impenn tagħha ta’ kull sena b’din l-istedina lill 12-il pajjizi illi magħhom tikkollabora fit-tiġrijiet taż-żwiemel għal din it-tiġrija ġewwa din il-korsa meqjusa bħala it-tempju tat-trott mondjali.
Ir-rappreżentant Malti Paul Galea kien f’din l-okkazjoni qiegħed isuq in-numru 14 Flambeur du Digeon illi kien qieghed jibda mit-tieni filliera, u wara sewqan metikoluz u ta’ l-għola kwalita irnexxielu jispiċċa fit-tielet post. Wara bidu pjuttost regolari, Paul Galea sab ruħu fil-pjazzamenti tan-naħa ta’ wara tal-grupp u meta kien fadal madwar 1400 metru għat-tmiem għażel illi joħroġ mill-pużizzjoni li kellu sabiex isegwi żiemel illi kien tiela b’saħħtu aktar l-barra minnu u b’hekk jibda joqrob lejn l-kmand tat-tiġrija. Il-pjan deher sejjer tajjeb sakemm 700 metru mit-tmiem, iż-żiemel ta’ quddiemu daħal f’diffikulta u beda jitlef l-pużizzjonijiet u miegħu Paul Galea sab ruħu retroċess fin-naħat ta’ wara tat-tiġrija. Mingħajr ebda paniku Paul Galea prepara tajjeb iż-żiemel tiegħu fl-aħħar gurva qabel talab minnu sforz għall-aħħar 300 metru tat-tiġrija. Flambeur du Digeon irrisponda tajjeb immens għal dak illi talab minnu Paul Galea u tela’ dritta finali mill-isbaħ b’veloċità tremenda illi ratu jgħaddi mill-11-il post għat-tielet fl-aħħar battuti tat-tiġrija.
Il-Prix des Rencontres Internationals du Trotteur Francais ta’ din is-sena kien mirbuħ għat-tieni sena konsekuttiva mill-ġerrej Franċiż Eric Raffin fuq Forsica du Rocher, filwaqt illi l-ġerrej Ġermaniż, Michael Nimczyk daħal it-tieni fuq Gassman d’Essar. Paul Galea ġie ikkonfermat fit-tielet post. Din it-tiġrija kienet ukoll segwita minn presentazzjoni u intervisti mas-sewwieqa illi daħlu fl-ewwel tlett postijiet, kif ukoll serata organizzata għad unur il-ġerrejja parteċipanti.