Saturday, May 4, 2024

“L-isfidi mhumiex żgħar, imma nemmnu li xejn mhu impossibbli”

Il-PM jappella lill-mexxejja dinjin jingħaqdu biex jiffaċċjaw it-theddida bit-tibdil fil-klima

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Malta hija waħda mill-iżgħar pajjiżi u potenzjalment hemm il-possibbiltà li tkun waħda mill-iktar li tintlaqat ħażin mit-tibdil fil-klima iżda dan ma jfissirx li Malta għandha tagħmel inqas. Malta qiegħda tagħmel iktar milli tiflaħ u qed taħdem biex tilħaq il-mira li sal-2030 tnaqqas b’55% it-tniġġis meta mqabbel mal-1990. Malta trid tkun iktar ambizzjuża minn hekk u bħalissa għandha l-inqas rata ta’ tniġġis ras għal ras fl-UE. Fl-aħħar 10 snin naqqset it-tniġġis fl-arja mis-settur tal-enerġija b’60%, b’żieda fl-enerġija rinovabbli minn 10 megawatts fl-2012 għal 230 megawats fl-2021. Il-Prim Ministru Robert Abela qal dan meta llum kien qed jindirizza l-COP28 f’Dubaj fejn kompla jappella lill-mexxejja dinjin biex jingħaqdu ħalli jiffaċċjaw it-theddida eżistenzjali li qed tikkawża t-tibdil fil-klima

Il-Prim Ministru Malti beda l-indirizz tiegħu billi qal li x-xjenza dejjem kienet ċara imma llum mhux qed nitkellmu dwar avvenimenti li jistgħu jiġru imma qed niffaċċjaw realtà allarmanti li wħud diġà għaddew minnhom u semma kif Malta, bħala wieħed mill-pajjiżi fil-Mediterran, għadha kemm għaddiet minn wieħed mill-iktar sjuf sħan fl-istorja. Huwa rrefera għall-qbil fil-COP21 biex iż-żieda fit-temperatura dinjija ma tkunx iktar minn 1.5 grad Celsius bħala sfida kbira imma qal li flimkien nistgħu nilħquha.

Abela kompla biex jitkellem dwar il-kisbiet ta’ Malta iżda sostna li bħala pajjiż għandu proġetti ambizzjużi b’potenzjal b’saħħtu barra mill-kosta Maltija. Il-Prim Ministru appella lill-mexxejja biex jikkunsidraw iż-żieda fil-livell tal-baħar bħala realtà u theddida globali waqt li appellalhom biex magħqudin flimkien jaħdmu biex l-umanità tiffaċċja din it-theddida eżistenzjali. Tkellem dwar il-ħtieġa ta’ aktar żieda fir-rata ta’ użu ta’ enerġija rinnovabbli, il-proġett tat-turbini tar-riħ fl-ibħra Maltin u l-fatt li propju lbieraħ inxtegħel l-impjant tax-shore-to-ship fil-Port il-Kbir biex b’hekk l-ewwel cruiseliner tefa’ l-magni u nagħqad mal-grid elettriku fuq l-art.

F’dan is-Summit indirizzat minn Mexxejja dinjija, intlaħaq qbil li l-produzzjoni tal-ikel tittieħed inkunsiderazzjoni fl-impatt tat-tibdil fil-klima. Kien hemm qbil ukoll fuq fond ta’ biljuni ta’ dollari biex jinstabu soluzzjonijiet globali għat-tibdil fil-klima. Dan apparti fond ieħor li jgħin pajjiżi l-aktar milquta u li qed isofru mill-bidla fil-klima. Abela ħabbar li Malta issa bdiet proġett permezz ta’ Istitut għal Stati Żgħar fi ħdan l-Università ta’ Malta biex frott riċerka jsir indiċi li jagħti għarfien liema huma dawk il-gżejjer żgħar li huma iżjed milquta mill-bidla fil-klima.

Sport