Sunday, November 24, 2024

“Paulina kienet togħġobha ħafna Malta”… “ebda konnessjoni mas-suspettat aggressur”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Hekk kif lbieraħ saret l-awtopsja fuq il-katavru ta’ Paulina Dembska, il-mara Pollakka ta’ 29 sena li l-Ħadd filgħodu instabet maqtula fi ġnien l-Indipendenza f’Tas-Sliema, liema konklużjonijiet issa jintbagħtu lill-Maġistrat li qed tmexxi l-inkjesta,  ħabiba ta’ Paulina li tkellmet ma’ talk.mt spjegatilna li Paulina kienet togħġobha ħafna Malta, tant li wara li kienet ġiet xi snin ilu imma kellha tirritorna pajjiżha, hi imbagħad reġgħet irritornat. Fi kliemha stess, Paulina kienet tirreferi għal Malta bħala “post mill-isbaħ”.  L-istess ħabiba qaltilna li “m’hemm ebda konnessjoni bejn Paulina u s-suspettat aggressur.”

Dan is-sit ġie infurmat mill-ħabiba tagħha “li Paulina kienet magħrufa sew fost nies fil-qrib u dan għax hi kienet regolarment tmur titma l-qtates f’dan il-ġnien. Kellha mħabba kbira lejn l-annimali. Il-qtates f’dan il-ġnien kienet tħobbhom wisq.”  Tgħidilna “ftit li xejn naf x’ġara, ħlief li nstabet maqtula. Tibda tgħid kif jista’ jkun ġara hekk? Kif jista’ jkun mhux se naraha aktar? Nitnikket ħafna meta naħseb minn xhiex setgħet għaddiet fl-aħħar mumenti tagħha”. Tgħidilna li Paulina kienet tħobb ukoll tagħmel attività sportiva fejn kienet tħobb il-ġiri. 

Għaliex qed titħalla din l-ispekulazzjoni?

L-istess persuna qaltilna li “nifhmu li l-Pulizija jridu l-ħin tagħhom għal investigazzjonijiet. Ma nistax nifhem imma kif qed titħalla spekulazzjoni għaddejja. Naħseb li l-Pulizija għandhom jaqtgħu l-kundanna u jgħidu kif inqatlet u jekk kienx hemm stupru. L-istejjer li qed nisimgħu bihom, lil nies bħalna li konna nafuha aktar qed iweġġgħuna. X’inhuma l-konklużjonijiet tal-awtopsja li ngħad li kellha ssir. Kien hemm stupru jew ma kienx hemm,” qaltilna l-istess persuna.

Intant meta talk.mt tkellem mal-kelliem tal-Pulizija inkarigat mill-informazzjoni, qalilna li l-konklużjoni tal-awtopsja tingħata lill-Maġistrat u l-Pulizija ma jkollhiex dik l-informazzjoni.

Żidu l-pieni tal-istupru

Intant sorsi legali li tkellmu ma’ dan is-sit qalulna li “bla dubju ta’ xejn qed titħalla spekulazzjoni għaddejja u din minnha nfiha aktar qed toħloq weġgħat.  Ċertu dettalji bażiċi għandhom jingħataw għax jevitaw l-ispekulazzjonijiet. Inqatlet fgata? Inqatlet b’mod ieħor? Kienet stuprata? Kienet għadha ħajja meta instabet? Kollha domandi li qed isiru u saru fl-aħħar sigħat u l-Pulizija ma tiċċarax dan”, sostnew l-istess sorsi.

L-istess sorsi legali qajmu l-puntlihemm bżonn li jiżdiedu l-pieni marbutin ma’ stupru. “Jagħmel sens li llum il-pieni ta’ stupru hi ta’ disa’ snin? Naħseb li wasal iż-żmien li din tiżdied u tiżdied sew jekk verament irridu li nħarsu u nipproteġu lin-nisa f’pajjiżna”.

L-investigazzjoni b’rabta mal-qtil sospiża

Intant wara li l-Pulizija kienu arrestaw żagħżugħ ta’ għoxrin sena barra l-Knisja tal-Balluta, u dan wara li għamel kommossjoni fil-knisja, dan beda jiġi interrogat u aktar tard ittieħed l-isptar Mater Dei biex ikun invistat mit-tobba. Jidher li minnhemm hekk hu ġie riferut għall-Isptar Monte Carmeli.  Minħabba dan il-Pulizija kellha tissospendi l-interrogazzjonijiet tas-suspettat. 

Kif inqatlet?… kien hemm stupru?

Żewġ domani li huma kruċjali f’dan il-każ u li sa issa l-awtoritajiet għadhom ma kkonfermawx huma kif inqatlet. Sorsi qrib l-investigaturi irrimarkaw fuq daqqiet f’ras il-vittma u marki fuq għonqha. Biss sa tard ilbieraħ filgħaxija kienn għadu mhux konfermat mill-awtoritajiet jekk din mititx fgata. Lanqas hu konfermat jekk hi kinitx ukoll vittma ta’ stupru.

Sport