Tuesday, May 14, 2024

Il-kowċ Paulo Sousa jitlaq lil Polonja … u jingħaqad ma’ Flamengo

Aqra wkoll

Flamengo ħabbru li Paulo Sousa huwa l-kowċ il-ġdid tagħhom, sigħat biss wara li ħallas klawsola ta’ rilaxx biex iħalli l-kariga tiegħu bħala kowċ tat-tim nazzjonali tal-Polonja.

Il-Portugiż ta’ 51 sena, li beda l-karriera tiegħu ta’ kowċ fl-Ingilterra ma’ Queen’s Park Rangers, iffirma kuntratt ta’ sentejn. Fi stqarrija fuq Twitter Flamengo qalu: “Paulo Sousa huwa l-kowċ il-ġdid ta’ Mengao.”

Il-federazzjoni tal-futbol tal-Polonja ħabbret it-tluq ta’ Sousa fuq Twitter u qalet li l-kowċ kellu jħallas “kumpens skont il-kriterji tal-federazzjoni.” 

Il-media Pollakka sostniet li huwa ħallas €300,000. 

“Ninsab kburi u sodisfatt ħafna li nirrappreżenta klabb bil-kobor inkomparabbli ta’ Flamengo,” qal Sousa f’messaġġ bil-video fuq Twitter. “Wasal iż-żmien li naħdmu iebes biex nirbħu l-unuri u biex inferħu l-40 miljun partitarji tal-akbar klabb fil-Brażil.”

Sport